Il-Kummissjoni von der Leyen: 2021-2022
F’Diċembru 2019, il-Kummissjoni von der Leyen stabbiliet perkors ġdid u ambizzjuż lejn Unjoni Ewropea aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar ġusta. Dan il-perkors inżamm, twettqu s-sitt ambizzjonijiet ewlenin kollha, filwaqt li ġew immaniġġjati żewġ kriżijiet bla preċedent – il-pandemija tal-coronavirus u l-gwerra mhux ġustifikata u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Din hija retrospettiva tas-sena li għaddiet, li tinkludi l-azzjonijiet tagħna li nappoġġjaw l-Ukrajna u li naqtgħu d-dipendenza tal-UE fuq il-karburanti fossili Russi kif ukoll ix-xogħol tagħna li nwettqu l-prijoritajiet politiċi kollha. Dan kollu waqt li nsaħħu r-reżiljenza tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna.
- български
- español
- čeština
- dansk
- Deutsch
- eesti
- ελληνικά
- English
- français
- Gaeilge
- hrvatski
- italiano
- latviešu
- lietuvių
- magyar
- Nederlands
- polski
- português
- română
- slovenčina
- slovenščina
- suomi
- svenska
Mumenti ewlenin
- 19 ta' Lulju 2022
L-Unjoni Ewropea tibda n-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta’ Fuq.
- 13 ta' Lulju 2022
Ir-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt: Il-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Istati Membri.
- 5 ta' Lulju 2022
Il-Kummissjoni tadotta l-Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni Ġdida biex l-Ewropa tkun fuq quddiem nett fil-mewġa l-ġdida ta’ innovazzjoni teknoloġika profonda u ta’ negozji ġodda.
- 1 ta' Lulju 2022
Ir-regoli l-ġodda dwar ir-roaming jidħlu fis-seħħ f’waqthom, biex jiżguraw benefiċċji kontinwi għaċ-ċittadini ta’ “roaming daqslikieku f’pajjiżhom”.
- 30 ta' Ġunju 2022
Il-President tal-Kummissjoni von der Leyen u l-Prim Ministru ta’ New Zealand Jacinda Ardern iħabbru l-konklużjoni tan-negozjati ta’ ftehim kummerċjali komprensiv.
Il-Parlament u l-Istati Membri tal-UE jagħmlu ftehim politiku dwar regolament ġdid biex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin fis-suq uniku.
Finanzi diġitali: Il-koleġiżlaturi jagħmlu ftehim dwar ir-regolament Ewropew dwar il-kriptoassi. Dan il-qafas legali ġdid se jipproteġi lill-konsumaturi, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li jippermetti aktar innovazzjoni fis-settur tal-kriptoassi.
- 24 ta' Ġunju 2022
L-UE tiżvela l-aġenda mġedda dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani.
- 23 ta' Ġunju 2022
Issir il-Laqgħa tal-Mexxejja tal-UE u tal-Balkani tal-Punent qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.
- 22 ta' Ġunju 2022
Il-Kummissjoni tadotta proposti biex tirrestawra n-natura tal-Ewropa sal-2050 u tnaqqas bin-nofs l-użu tal-pestiċidi b’50% sal-2030.
- 16 ta' Ġunju 2022
Isir qbil dwar Kodiċi ta’ Prattika Ġdid dwar id-Diżinformazzjoni, ibbażat fuq il-gwida tal-Kummissjoni minn Mejju 2021.
- 7 ta' Ġunju 2022
Isir ftehim politiku dwar proposta relatata mal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji.
- 3 ta' Ġunju 2022
L-UE taqbel dwar is-sitt pakkett ta’ miżuri restrittivi kontra r-Russja, inkluża projbizzjoni fuq il-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet taż-żejt mir-Russja
- 25 ta' Mejju 2022
Il-Kummissjoni tipproponi regoli dwar il-kriminalizzazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi u dwar l-iffriżar u l-konfiska tal-assi ta’ persuni li jiksru miżuri restrittivi u kriminali oħra.
- 23 ta' Mejju 2022
Il-Kummissjoni tadotta pjan ta’ kontinġenza għat-trasport li jistabbilixxi miżuri konkreti għall-protezzjoni tat-trasport tal-UE fi żminijiet ta’ kriżi.
- 18 ta' Mejju 2022
Il-Kummissjoni tippreżenta pjanijiet għar-rispons immedjat tal-UE biex tindirizza d-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna u r-rikostruzzjoni fit-tul.
L-UE tiżvela sħubija strateġika mal-istati tal-Golf, bil-għan li twessa’ u tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħha mal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf u l-pajjiżi membri tiegħu.
Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jippreżentaw analiżi tal-lakuni fl-investiment fid-difiża u jipproponu aktar miżuri u azzjonijiet li huma meħtieġa biex tissaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża tal-Ewropa.
L-UE tippreżenta l-pjan REPowerEU biex titnaqqas b’ħeffa d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika.
- 13 ta' Mejju 2022
Isir qbil politiku dwar regoli ġodda dwar iċ-ċibersigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni, li jiżguraw li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu protetti u jkun jista’ jkollhom fiduċja fis-servizzi essenzjali.
- 12 ta' Mejju 2022
Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi korsiji ta’ solidarjetà biex tgħin lill-Ukrajna tesporta l-prodotti agrikoli.
F’Tokyo, l-UE u l-Ġappun jorganizzaw it-28 summit tagħhom. Huma jaffermaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet mill-qrib u komprensivi tagħhom u jniedu s-sħubija diġitali.
Fit-tieni Summit Globali dwar il-COVID-19 il-Kummissjoni twiegħed li tħaffef l-introduzzjoni u l-adozzjoni tal-vaċċini u miżuri oħra tal-COVID-19 fl-Afrika b’appoġġ ulterjuri ta’ €400 miljun.
- 11 ta' Mejju 2022
Il-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni ġdida tal-UE għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online.
It-tassazzjoni korporattiva: Il-Kummissjoni tipproponi inċentiv fiskali għall-ekwità biex tgħin lill-kumpaniji jikbru, jissaħħu u jsiru aktar reżiljenti.
- 10 ta' Mejju 2022
Isir qbil politiku dwar l-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali, li jgħin biex jiġi żgurat li s-sistema finanzjarja tagħna tkun aktar reżiljenti għal attakki ċibernetiċi u għal riskji diġitali oħra.
- 9–10 ta’ Mejju 2022
L-UE tospita s-sitt Konferenza ta’ Brussell dwar l-“Appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun”, il-mobilizzazzjoni tal-għajnuna għas-Sirjani u l-komunitajiet ospitanti fil-pajjiżi ġirien permezz ta’ wegħdiet li jammontaw għal €6.4 biljun għall-2022 u lil hinn. Minn dan l-ammont l-UE wiegħdet aktar minn €4.8 biljun, b’aktar minn €3.1 biljun mill-Kummissjoni.
- 9 ta' Mejju 2022
Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tikkonkludi l-ħidma tagħha. Il-vjaġġ ta’ diskussjoni, dibattitu u kollaborazzjoni tagħha li dam għaddej sena, bejn iċ-ċittadini u l-politiċi, jilħaq il-qofol tiegħu permezz ta’ 49 proposta u aktar minn 320 miżura għall-istituzzjonijiet tal-UE biex jibnu fuqhom.
- 3 ta' Mejju 2022
Il-Kummissjoni tniedi l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa. Din se ssaħħaħ il-pożizzjoni tan-nies biex jikkontrollaw u jużaw id-data dwar is-saħħa tagħhom f’pajjiżhom jew fi Stati Membri oħra, u trawwem suq uniku ġenwin għas-servizzi u l-prodotti tas-saħħa diġitali.
- 28 ta' April 2022
L-UE u s-sħab internazzjonali jippreżentaw Dikjarazzjoni għall-Futur tal-Internet.
- 27 ta' April 2022
Il-Kummissjoni tipproponi politika ta’ migrazzjoni legali, inklużi inizjattivi li se jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-UE, isaħħu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE u jtejbu l-ġestjoni ġenerali tal-migrazzjoni fit-tul.
Il-Kummissjoni tipproponi liġi tal-UE u rakkomandazzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi abbużivi kontra ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.
- 26 ta' April 2022
It-Tim Ewropa jżid l-appoġġ għall-pajjiżi milquta min-nixfa fil-Qarn tal-Afrika, bl-UE u l-Istati Membri tagħha jwiegħdu total ta’ €633 miljun biex itejbu s-sigurtà tal-ikel.
- 25 ta' April 2022
Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali biex tiġbor u żżomm l-evidenza ta’ delitti tal-gwerra u tikkoopera mat-tribunali internazzjonali f’dan ir-rigward.
Il-President von der Leyen u Narendra Modi, il-Prim Ministru tal-Indja, iniedu l-Kunsill tal-Kummerċ u tat-Teknoloġija UE-Indja.
- 23 ta' April 2022
Il-Parlament u l-Kunsill jilħqu ftehim politiku rigward l-Att dwar is-Servizzi Diġitali. L-att jistabbilixxi standard ġdid mingħajr preċedent għar-responsabbiltà tal-pjattaformi online, filwaqt li jipproteġi aħjar lill-utenti tal-internet u d-drittijiet fundamentali tagħhom.
- 20 ta' April 2022
L-UE tfakkar 30 sena ta’ operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja u ta’ protezzjoni ċivili, li jgħinu lin-nies f’emerġenzi fid-dinja kollha.
- 9 ta' April 2022
L-avveniment u l-kampanja tal-wegħda globali b’Solidarjetà mal-Ukrajna ġabret €9.1 biljun għan-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni Russa, fl-Ukrajna u lil hinn minnha, fosthom €1 biljun mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp iwiegħed €1 biljun addizzjonali.
- 8 ta' April 2022
Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen u r-Rappreżentant Għoli Josep Borrell iżuru l-Ukrajna u jiltaqgħu mal-President Ukren Volodymyr Zelensky.
- 6 ta' April 2022
Bħala rispons għall-impatt tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, l-UE tħabbar pakkett ta’ appoġġ li jiswa €225 miljun biex tappoġġja s-sigurtà tal-ikel u r-reżiljenza fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq.
L-UE tieħu azzjoni biex tappoġġja r-reġjuni Afrikani tas-Saħel u tal-Lag Chad, b’total ta’ €554 miljun f’finanzjament li għandu jintuża kemm biex tiġi indirizzata l-insigurtà akuta tal-ikel kif ukoll biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel fit-tul.
- 30 ta' Marzu 2022
Fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari, qed jiġu proposti regoli ġodda biex il-prodotti sostenibbli jsiru n-norma fl-UE, jittejbu l-mudelli ta’ negozju ċirkolari u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi fit-tranżizzjoni ekoloġika.
- 28 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni tadotta rakkomandazzjoni biex l-Istati Membri jieħdu passi immedjati dwar skemi ta’ ċittadinanza b’investiment u skemi ta’ residenza b’investiment fil-kuntest tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna.
- 25 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni u l-Istati Uniti jħabbru li qablu fil-prinċipju dwar Qafas Trans-Atlantiku ġdid għall-Privatezza tad-Data, li se jrawwem flussi ta’ data trans-Atlantiċi.
- 24 ta' Marzu 2022
Il-Parlament u l-Kunsill jilħqu ftehim politiku rigward l-Att dwar is-Swieq Diġitali. L-att se jiżgura swieq diġitali ġusti, miftuħa u kontestabbli għan-negozji diġitali biex jikbru fis-suq uniku u jikkompetu globalment.
- 23 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni Ewropea tadotta qafas temporanju għall-kriżijiet li jippermetti lill-Istati Membri jużaw il-flessibbiltà prevista skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex isostnu l-ekonomija fil-kuntest tal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.
Il-Kummissjoni tiddeskrivi l-għażliet biex jittaffew il-prezzijiet għoljin tal-enerġija permezz tax-xiri komuni tal-gass u b’obbligi ta’ ħżin minimu ta’ gass.
Il-Kummissjoni tippreżenta miżuri biex ittejjeb is-sigurtà globali tal-ikel u biex tappoġġa lill-bdiewa u lill-konsumaturi fl-UE fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u tal-ispejjeż tal-produzzjoni.
- 22 ta' Marzu 2022
L-ewwel jum ta’ applikazzjoni tar-regolament pan-Ewropew dwar il-prodotti tal-pensjoni personali, li jwitti t-triq għal skema volontarja ġdida għall-UE kollha li tgħin lin-nies ifaddlu għall-irtirar tagħhom.
Il-Kummissjoni tniedi punt uniku ta’ servizz biex tappoġġa lir-riċerkaturi Ukreni.
- 21 ta' Marzu 2022
L-UE taqbel dwar boxxla strateġika għal sigurtà u difiża tal-UE aktar b’saħħithom fl-għaxar snin li ġejjin.
- 16 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni tipproponi bidliet fir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli biex ittejjeb l-effiċjenza tas-swieq tas-saldu tal-UE filwaqt li tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja – komponent ewlieni tal-pjan ta’ azzjoni għall-unjoni tas-swieq kapitali tal-2020.
- 15 ta’ Marzu 2022
L-UE timponi r-raba’ pakkett ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u individwali minħabba l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna.
- 11 ta' Marzu 2022
Tiġi varata t-Task Force dwar l-Iffriżar u l-Ħtif stabbilita mill-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tas-sanzjonijiet tal-UE kontra l-oligarki Russi u Belarussi elenkati fit-territorju kollu tal-UE.
- 9 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ solidarjetà għat-trasferimenti mediċi tar-refuġjati fl-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna u b’reazzjoni għall-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni, l-UE timponi aktar sanzjonijiet immirati.
- 8 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni tipproponi regoli għall-UE kollha għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika.
Il-Kummissjoni tipproponi l-inizjattiva “azzjoni ta’ koeżjoni għar-refuġjati fl-Ewropa” li tippermetti li l-Istati Membri u r-reġjuni jipprovdu appoġġ ta’ emerġenza lin-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.
- 2 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni tipproponi li tattiva d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja biex toffri assistenza rapida u effettiva lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna.
- 28 ta' Frar 2022
L-UE tapprova t-tielet pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja.
- 25 ta' Frar 2022
L-UE timponi aktar sanzjonijiet individwali u ekonomiċi bħala rispons għall-aggressjoni militari Russa. Dan it-tieni pakkett ta’ sanzjonijiet ikopri s-setturi tal-finanzi, tal-enerġija, tat-trasport u tat-teknoloġija, flimkien mal-politika dwar il-viżi.
- 23 ta' Frar 2022
L-UE taqbel dwar pakkett ta’ sanzjonijiet bħala rispons għar-rikonoxximent mir-Russja taż-żoni tal-provinċji Ukreni mhux ikkontrollati mill-gvern ta’ Donetsk u Luhansk bħala entitajiet indipendenti, u d-deċiżjoni li jintbagħtu truppi Russi f’dawn iż-żoni.
Il-Kummissjoni tipproponi direttiva ġdida dwar id-diliġenza dovuta għas-sostenibbiltà korporattiva, li tistabbilixxi regoli għall-kumpaniji biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent fil-ktajjen tal-valur dinjija.
Il-Kummissjoni tipproponi att ġdid dwar id-data tal-UE li fih ir-regoli dwar min jista’ juża u jaċċessa d-data ġġenerata fl-UE fis-setturi ekonomiċi kollha, biex tiżgura sens ta’ ġustizzja fl-ambjent diġitali u tiftaħ opportunitajiet għall-innovazzjoni xprunata mid-data.
- 19 ta' Frar 2022
Wara talba għall-assistenza mill-Ukrajna billi żdiedu t-theddidiet mir-Russja, iċ-Ċentru Ewropew għall-Koordinazzjoni ta’ Rispons jattiva l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. Sa Ġunju, aktar minn 35,000 tunnellata ta’ assistenza lill-Ukrajna mis-27 Stat Membru kollha tal-UE, mit-Turkija, min-Norveġja u mill-Maċedonja ta’ Fuq ingħataw lill-Ukrajna.
- 17–18 ta’ Frar 2022
Fis-Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE fi Brussell, il-mexxejja jaqblu dwar viżjoni konġunta għall-2030. Dan se jkun appoġġat mill-Pakkett ta’ Investiment Afrika-Ewropa, b’investimenti li jammontaw għal EUR 150 biljun.
- 15 ta' Frar 2022
L-UE tagħti bidu għal sistema ta’ konnettività bbażata fuq is-satelliti u tagħti spinta lill-azzjoni li tirrigwarda l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju, għal Ewropa aktar diġitali u reżiljenti.
Il-Kummissjoni tippreżenta miżuri biex tikkontribwixxi għad-difiża Ewropea, iżżid l-innovazzjoni u tindirizza d-dipendenzi strateġiċi. Dawn l-inizjattivi l-ġodda huma passi konkreti lejn suq Ewropew tad-difiża aktar integrat u kompetittiv, b’mod partikolari billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-UE.
- 8 ta' Frar 2022
Il-Kummissjoni tipproponi ġabra komprensiva ta’ miżuri biex tiżgura r-reżiljenza, it-tmexxija teknoloġika u s-sigurtà tal-provvista tal-UE fil-qasam tat-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tas-semikondutturi.
- 2 ta' Frar 2022
Il-Kummissjoni tipproponi strateġija ta’ standardizzazzjoni li tippreżenta approċċ ġdid biex l-istandards tal-UE jkun jista’ jkollhom rwol ta’ tmexxija globali li jippromwovi l-valuri u suq uniku reżiljenti, ekoloġiku u diġitali.
Il-Kummissjoni tapprova fil-prinċipju att delegat komplementari dwar il-klima li jinkludi, taħt kundizzjonijiet stretti, attivitajiet speċifiċi tal-enerġija nukleari u tal-gass fil-lista ta’ attivitajiet ekonomiċi koperti mit-tassonomija tal-UE. Dan se jitħaffef it-tranżazzjoni mill-fjuwils fossili solidi jew likwidi, inkluż il-faħam, lejn futur newtrali għall-klima.
- 1 ta' Frar 2022
Il-Kummissjoni tipproponi pakkett ta’ assistenza makrofinanzjarja ta’ emerġenza ta’ €1.2 biljun għall-Ukrajna.
- 27 ta' Jannar 2022
Il-Kummissjoni tadotta linji gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat relatata mal-klima, il-ħarsien tal-ambjent u l-enerġija.
- 26 ta' Jannar 2022
Il-Kummissjoni tipproponi dikjarazzjoni dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali għal kulħadd fl-UE.
- 18 ta' Jannar 2022
Il-Kummissjoni tippubblika sett ta’ għodod biex tgħin fil-mitigazzjoni tal-interferenza barranija fir-riċerka u l-innovazzjoni.
Fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, il-Kummissjoni tadotta żewġ inizjattivi ġodda biex l-universitajiet fl-UE jkunu lesti għall-futur permezz ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali aktar profonda.
- 14 ta' Jannar 2022
Il-Kummissjoni tadotta proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tagħlim għas-sostenibbiltà ambjentali.
- 1 ta' Jannar 2022
Tibda s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ.
20 sena bl-euro fil-bwiet tagħna.
- 22 ta' Diċembru 2022
Tassazzjoni ġusta: Il-Kummissjoni tipproponi traspożizzjoni rapida tal-ftehim internazzjonali dwar tassazzjoni minima tal-intrapriżi multinazzjonali.
- 21 ta' Diċembru 2021
Tiġi proposta politika ġdida biex tappoġġa d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni ta’ dawk li kienu ġellieda, bħala parti mill-kontribut usa’ tal-UE għat-tiswir tal-paċi.
- 16 ta' Diċembru 2021
Fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tiġi ppreżentata aġenda mġedda dwar ir-riforma għall-irkupru u r-reżiljenza.
- 15 ta' Diċembru 2021
L-UE u l-Moldova jiffirmaw ftehim ta’ finanzjament ta’ għotja ta’ €60 miljun biex jgħinu lill-pajjiż jiffaċċja l-kriżi qawwija attwali tal-gass.
Strateġija ġdida tal-Kummissjoni dwar il-finanzi diġitali twitti t-triq għal rappurtar modern u ssimplifikat tad-data superviżorja.
Il-Kummissjoni tipproponi qafas ġdid tal-UE biex tiddekarbonizza s-swieq tal-gass, tippromwovi l-idroġenu u tnaqqas l-emissjonijiet tal-metan.
- 14 ta' Diċembru 2021
Il-Kummissjoni tipproponi regoli ġodda biex iż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni ssir aktar reżiljenti.
Biex tappoġġa t-tranżizzjoni lejn mobilità aktar nadifa, aktar ekoloġika u aktar intelliġenti, il-Kummissjoni tipproponi l-immodernizzar tas-sistema tat-trasport tal-UE.
- 9 ta' Diċembru 2021
Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali u tippubblika abbozz ta’ linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għal ftehimiet kollettivi minn persuni li jaħdmu għal rashom waħidhom.
Il-Kummissjoni tipproponi li testendi l-lista tar-reati tal-UE biex ikunu jinkludu d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda.
Il-Kummissjoni tippreżenta pjan ta’ azzjoni biex tgħin l-ekonomija soċjali Ewropea tirnexxi, billi tisfrutta kemm il-potenzjal ekonomiku tagħha kif ukoll il-kontribut tagħha għal irkupru ġust u inklużiv mill-pandemija tal-COVID-19.
- 8 ta' Diċembru 2021
Il-Kummissjoni tipproponi għodda ġdida biex tiġġieled l-użu ta’ pressjoni ekonomika intenzjonata minn pajjiżi li mhumiex fl-UE.
Fis-Summit dwar in-Nutrizzjoni għat-Tkabbir, il-Kummissjoni timpenja ruħha li ttejjeb in-nutrizzjoni billi tipprovdi €2.5 biljun f’finanzjament bejn l-2021 u l-2024.
- 1 ta' Diċembru 2021
Il-Kummissjoni twitti t-triq għal aktar diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji tal-UE, u tagħmilhom aktar aċċessibbli u effettivi.
L-UE tniedi l-Global Gateway, strateġija Ewropea ġdida biex jitjiebu l-konnessjonijiet intelliġenti, nodfa u siguri fl-oqsma diġitali, tal-enerġija u tat-trasport u biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka fid-dinja.
- 26 ta' Novembru 2021
Fis-Summit tal-ASEM, l-UE u l-Asja jaffermaw mill-ġdid is-sħubija u l-impenn kondiviżi tagħhom favur irkupru aktar b’saħħtu mill-pandemija.
- 25 ta' Novembru 2021
Il-Kummissjoni tipproponi miżuri ġodda biex ittejjeb il-kapaċità tal-kumpaniji li jiġbru l-kapital fl-UE u biex tiżgura li n-nies li jgħixu fl-UE jiksbu l-aħjar offerti għat-tfaddil u l-investimenti tagħhom.
Il-Kummissjoni tistabbilixxi liġijiet ġodda dwar ir-reklamar politiku, id-drittijiet elettorali u l-finanzjament tal-partiti, sabiex iħarsu l-integrità elettorali u d-dibattitu demokratiku miftuħ.
- 19 ta' Novembru 2021
TAIEX (l-istrument ta’ Assistenza Teknika u Skambju tal-Informazzjoni tal-Kummissjoni) jiċċelebra l-25 anniversarju tiegħu. F’dawn l-aħħar żewġ deċennji u nofs, immobilizza esperti pubbliċi tal-UE għal aktar minn 40,000 darba f’aktar minn 26,000 avveniment, u għen lill-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-UE u fid-dinja biex jindirizzaw l-isfidi diġitali, ambjentali u tas-saħħa.
- 18 ta' Novembru 2021
Il-Kummissjoni tadotta komunikazzjoni dwar politika tal-kompetizzjoni adattata għall-isfidi l-ġodda, li tfassal ir-rwol importanti tal-politika tal-kompetizzjoni biex l-Ewropa taqbad it-triq tal-irkupru, tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għal suq uniku reżiljenti.
- 17 ta' Novembru 2021
Il-Kummissjoni tadotta proposti ġodda biex twaqqaf id-deforestazzjoni, tkun innovattiva fil-ġestjoni sostenibbli tal-iskart u ssaħħaħ il-ħamrija għan-nies, għan-natura u għall-klima.
- 13 ta' Novembru 2021
Isir ftehim politiku biex tissaħħaħ il-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, b’mod partikolari fl-oqsma tas-sorveljanza, tat-twissija bikrija, tat-tħejjija u tar-rispons.
- 2 ta' Novembru 2021
Il-Kummissjoni tħabbar impenn ta’ €1 biljun biex tipproteġi l-foresti tad-dinja fil-konferenza COP26 dwar it-tibdil fil-klima.
- 28 ta' Ottubru 2021
Jidħol fis-seħħ il-mandat imsaħħaħ tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini propost mill-Kummissjoni.
- 27 ta' Ottubru 2021
Il-Kummissjoni tadotta rieżami tar-regoli bankarji tal-UE – biex tiżgura li l-banek fl-UE jsiru aktar reżiljenti għal xokkijiet ekonomiċi futuri potenzjali, filwaqt li jikkontribwixxu għall-irkupru tal-Ewropa mill-pandemija tal-COVID-19 u għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.
- 13 ta' Ottubru 2021
Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli / Viċi President Josep Borrell jippreżentaw approċċ għal impenn aktar b’saħħtu tal-UE għal Artiku paċifiku, sostenibbli u prosperu.
- 12 ta' Ottubru 2021
Il-Kummissjoni toħroġ l-ewwel bond ekoloġiku biex tiffinanzja l-irkupru sostenibbli.
- 5 ta' Ottubru 2021
Il-Kummissjoni tippreżenta l-ewwel strateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u s-sostenn tal-ħajja Lhudija.
- 29 ta' Settembru 2021
Il-Kummissjoni tadotta l-komunikazzjoni dwar il-missjonijiet Ewropej, u għandha l-għan li tindirizza l-isfidi l-kbar relatati mas-saħħa, mal-klima u mal-ambjent u li tikseb għanijiet ambizzjużi u ta’ ispirazzjoni f’dawn l-oqsma.
- 23 ta' Settembru 2021
Il-Kummissjoni tipproponi ċarġer komuni għall-apparat elettroniku – pass importanti biex jitnaqqas l-iskart elettroniku u l-inkonvenjenza għall-konsumaturi.
- 22 ta' Settembru 2021
Il-Kummissjoni tadotta rieżami komprensiv tar-regoli tal-assigurazzjoni tal-UE, li jgħin lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni jżidu l-investiment fit-tul bil-għan ukoll li tagħmel is-settur tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni aktar reżiljenti.
- 16 ta' Settembru 2021
L-UE tipproponi sħubija msaħħa mar-reġjun Indo-Paċifiku biex tmexxi ’l quddiem il-kummerċ, l-investiment u l-konnettività.
Il-Kummissjoni Ewropea tvara l-Awtorità tal-UE għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (European Health Emergency Preparedness and Response Authority, HERA) biex tipprevjeni, tidentifika u tirrispondi malajr għall-emerġenzi tas-saħħa.
Il-Kummissjoni tipproponi perkors għad-deċennju diġitali biex twassal it-trasformazzjoni diġitali tal-UE sal-2030.
Il-Kummissjoni tadotta l-ewwel rakkomandazzjoni tagħha dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti.
- 15 ta' Settembru 2021
Il-Kummissjoni Ewropea tadotta l-komunikazzjoni dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, li tistabbilixxi l-qafas, il-prinċipji ewlenin u l-miżuri ewlenin li se jmexxu l-inizjattiva ’l quddiem.









