Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Appoġġ lin-negozji Ewropej matul il-pandemija

Appoġġ lill-kumpaniji Ewropej

L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju huma essenzjali għall-ekonomiji nazzjonali. L-appoġġ għall-SMEs jagħmel parti minn pakkett komprensiv li tpoġġa flimkien mill-Kummissjoni u mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-Kummissjoni żblukkat €1 biljun mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi bħala garanzija għall-Fond Ewropew tal-Investiment biex tinċentiva l-banek lokali u selliefa oħra biex jipprovdu likwidità għal mill-inqas 100,000 negozju Ewropew.

Fis-6 ta’ April 2020, il-Kummissjoni ħabbret li se jkun hemm disponibbli finanzjament stmat ta’ €8 biljun biex tingħata għajnuna finanzjarja immedjata lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fl-UE kollha. F'Diċembru 2020, il-Kummissjoni sabet li l-ħolqien ta’ Fond ta’ Garanzija Pan-Ewropew ta’ €25 biljun, ġestit mill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jappoġġja lill-kumpaniji affettwati mill-coronavirus, kien konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Fond hu mistenni li jimmobilizza sa €200 biljun ta’ finanzjament addizzjonali biex jappoġġja lin-negozji affettwati mit-tifqigħa tal-coronavirus fl-Istati Membri parteċipanti.

Eżempji ta’ appoġġ

Il-Bulgarija

Fis-6 ta’ Ottubru 2020, il-Fond Ewropew tal-Investiment u r-Raiffeisenbank iffirmaw ftehim ta’ garanzija ta’ €10 miljun biex jappoġġjaw intrapriżi privati u pubbliċi żgħar u ta’ daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi fil-Bulgarija.

Il-ftehim jipprovdi self b’termini u kundizzjonijiet aħjar lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju affettwati mill-kriżi tal-coronavirus, u b’hekk jgħin biex jiġu sostnuti l-impjiegi.

Id-Danimarka, l-Iżvezja, in-Norveġja, il-Finlandja u l-Iżlanda

Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Fond Ewropew tal-Investiment u l-fornitur tal-finanzjament alternattiv Daniż REinvent Finance ffirmaw ftehim ta’ garanzija biex jipprovdu finanzjament ġdid lill-operaturi tal-industrija tal-films u tas-sensiliet televiżivi Nordiċi li qed jiffaċċjaw diffikultajiet minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Il-ftehim, appoġġjat mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, jipprevedi garanzija totali li tammonta għal €26 miljun li mistennija tappoġġja 60 tranżazzjoni fl-industrija tal-films u tas-sensiliet televiżi fid-Danimarka, l-Iżvezja, in-Norveġja, il-Finlandja u l-Iżlanda, u b’hekk tappoġġja t-tixrid ta’ kontenut kreattiv Nordiku. Il-finanzjament hu disponibbli permezz ta’ self ta’ finanzjament tranżitorju, garanziji minimi u self għall-iżvilupp tal-kontenut permezz tal-fornitur tal-finanzjament.

L-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Finlandja

Fl-14 ta’ Ottubru 2020, bis-saħħa ta’ garanzija ta’ €6 miljun mill-Fond Ewropew tal-Investiment, l-appoġġ finanzjarju ġie allokat ukoll għall-SMEs mis-setturi kulturali u kreattivi fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fil-Finlandja.

Il-garanzija, l-ewwel Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi f’dawn il-pajjiżi, ingħatat lill-entità ewlenija tas-self Estonjana Finora Capital, kumpanija kompletament diġitali u li tipprovdi finanzjament alternattiv.

L-iskema tagħti lill-kumpaniji aċċess għal self aktar affordabbli, u tippermetti lil Finora Capital

  • tiżviluppa prodott ġdid li jaqbel mal-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi
  • tiżviluppa kompetenzi fil-finanzjament tas-setturi kulturali u kreattivi
  • tespandi fi swieq ġodda.

Il-ftehimiet kellhom l-appoġġ tal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi tal-Kummissjoni, u kienu appoġġjati mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

Fil-31 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tuża €4.5 miljun mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex tappoġġja aktar minn 5,000 ħaddiem tat-turiżmu li ngħataw is-sensja jew li jaħdmu għal rashom fl-Estonja.

Franza

Fis-7 ta’ Jannar 2021, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-BNP Paribas iffirmaw ftehim ta’ appoġġ għat-titolizzazzjoni biex jappoġġjaw lill-kumpaniji Franċiżi żgħar, ta’ daqs medju u b’kapitalizzazzjoni medja affettwati mill-pandemija tal-coronavirus.

Il-ftehim, li sar fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, jippermetti lill-BNP Paribas li juża €515-il miljun f’self ġdid għas-sentejn li ġejjin, biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ likwidità u ta’ investiment għall-irkupru tal-benefiċjarji.

Il-Ġermanja

Fit-30 ta’ Settembru 2020, il-Grupp tal-BEI, li jikkonsisti mill-Fond Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew tal-Investiment, qabel mal-Commerzbank dwar skema ġdida ta’ self favorevoli, li tipprovdi sa €500 miljun lil SMEs Ġermaniżi.

Il-finanzjament għandu l-għan li jtaffi l-impatt tal-kriżi fuq negozji iżgħar, u se jippermetti li kumpaniji iżgħar u b’kapitalizzazzjoni medja kif ukoll individwi li jaħdmu għal rashom ikomplu joperaw. Dan hu appoġġjat mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-pilastru ċentrali tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, li fih il-Grupp tal-BEI u l-Kummissjoni Ewropea huma sħab strateġiċi.

L-Ungerija

Fl-10 ta’ Marzu 2021, il-Fond Ewropew tal-Investiment iffirma ftehim ta’ garanzija mal-Magyar Vállalkozásfejlesztési Alapítvány biex jipprovdi €8.2 miljun f’appoġġ lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju Ungeriżi fis-settur kulturali u kreattiv, biex isostni l-impjiegi u jħaffef l-irkupru ekonomiku. Il-ftehim, appoġġjat mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, jippermetti lill-benefiċjarju jżid il-kapaċità ta’ self tiegħu lin-negozji, u jgħin lil intrapriżi tal-media iżgħar jiksbu aċċess aħjar għall-finanzjament.

L-Italja

Fid-19 ta’ Ottubru 2020, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment qabel li jipprovdi €490 miljun lill-ispeċjalista Taljan tal-kiri Alba Leasing f’operazzjoni ta’ finanzjament tat-titolizzazzjoni, filwaqt li jiżblokka €1 biljun f’riżorsi finanzjarji ġodda lil kumpaniji żgħar, medji u b’kapitalizzazzjoni medja fl-Italja.

Din l-operazzjoni se tippermetti l-finanzjament sa 100% ta’ investimenti u proġetti ġodda fis-setturi ekonomiċi kollha, b’enfasi partikolari fuq l-investimenti ambjentali. Madwar 8,000 SME fl-Italja se jirċievu appoġġ biex jgħinhom jirkupraw mill-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija u jappoġġja it-tranżizzjoni ekoloġika tagħhom.

Malta

Fil-21 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni ffirmat ftehim mal-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Gvern ta’ Malta biex jiżdied il-finanzjament disponibbli taħt l-Inizjattiva tal-SMEs fil-pajjiż, li jwassal għall-użu kkombinat tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, tal-programm Orizzont 2020 u tal-fondi tal-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Dan il-ftehim wassal għal €28 miljun addizzjonali għall-finanzjament ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju b’termini vantaġġużi, bħal rati tal-imgħax imnaqqsa u rekwiżiti kollaterali mtejba, li żiedu l-portafoll fil-mira tal-finanzjament f’Malta għal €118-il miljun.

Ir-Rumanija

Fl-1 ta’ Frar 2021, l-ewwel ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u d-Deutsche Leasing Romania żblokka €370 miljun f’finanzjament tas-settur privat, biex jappoġġja intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fir-Rumanija affettwati mill-pandemija biex jibbenefikaw minn lokazzjoni finanzjarja orħos. L-inizjattiva, appoġġjata mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, għandha l-għan li żżid il-finanzjament għall-investiment agrikolu u fit-tagħmir, tappoġġja lil dawk li jissellfu f’żoni rurali u f’reġjuni inqas żviluppati, u tipprovdi strument alternattiv għall-ġestjoni tal-kapital. L-inizjattiva, li hi parti mir-rispons tas-settur privat tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, hi intiża li żżid ir-reżiljenza tan-negozji Rumeni għall-impatti ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa tal-pandemija tal-coronavirus.

Spanja

Fl-20 ta’ Ottubru 2020, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Banco Santander fi Spanja qablu dwar finanzjament addizzjonali b’termini favorevoli għall-intrapriżi Spanjoli żgħar, medji u b’kapitalizzazzjoni medja affettwati mill-kriżi tal-coronavirus.

Bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-pilastru ewlieni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, il-ftehim alloka aktar minn €900 miljun biex jappoġġja l-irkupru ekonomiku tan-negozji Spanjoli. Il-finanzjament kellu enfasi speċifiku fuq investimenti fl-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

Barra minn hekk, il-Bank Ewropew tal-Investiment ta €270 miljun euro taħt tliet ftehimiet lill-Banca March, biex jappoġġja aktar lill-kumpaniji Spanjoli affettwati mill-pandemija. Wieħed mill-ftehimiet huwa l-ewwel wieħed appoġġjat mill-Bank Ewropew tal-Investiment taħt il-Fond ta’ Garanzija Pan-Ewropew, filwaqt li ieħor, taħt il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, jipprovdi lill-Banca March b’garanzija ta’ €70 miljun. Il-ftehimiet jippermettu l-mobilizzazzjoni ta’ aktar minn €570 miljun għall-promozzjoni tal-irkupru fi Spanja.

Fil-31 ta’ Marzu 2021, il-Bank Ewropew tal-Investiment ingħaqad ma’ Banco de Sabadell biex iżid il-kapaċità ta’ self tiegħu lil intrapriżi żgħar, ta’ daqs medju u b’kapitalizzazzjoni medja. Il-Bank Ewropew tal-Investiment alloka finanzjament ta’ €300 miljun, li jippermetti lill-bank Spanjol jimmobilizza total ta’ €600 miljun matul is-sentejn li ġejjin. Il-kontribuzzjoni hija appoġġjata minn garanzija mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-pilastru ewlieni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa.

Fis-27 ta’ April 2021, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, parti mill-Pjan ta’ Investiment tal-UE għall-Ewropa, ħabbar skema ta’ €50 miljun biex tappoġġja lil Santander Asset Management biex jipprovdi finanzjament fit-tul ġdid għal intrapriżi żgħar u medji l-aktar fi Spanja kif ukoll fil-Portugall. Il-finanzjament għandu l-għan li jipprovdi soluzzjonijiet ta’ finanzjament alternattiv lil kumpaniji permezz ta’ faċilitajiet ta’ lokazzjoni, billi joffri appoġġ biex jirreżistu l-kriżi u jerġgħu jibdew l-attività ekonomika tagħhom.