
Il-Kummissjoni llum ippreżentat sett ġdid ta’ regoli li għandhom jippermettu lin-negozji tal-Ewropa jiffrankaw il-ħin fuq ix-xogħol amministrattiv u l-konformità u jqattgħu aktar ħin fuq l-innovazzjoni u l-espansjoni. Din tiftaħ opportunitajiet għall-kumpaniji Ewropej biex jikbru u jmexxu fit-teknoloġija, filwaqt li tippromwovi l-ogħla standards tal-Ewropa tad-drittijiet fundamentali, il-protezzjoni tad-data, is-sikurezza, u l-ġustizzja.
Il-miżuri jistgħu jiffrankaw lin-negozji sa € 5 biljun fi spejjeż amministrattivi sal-2029. Barra minn hekk, il-Kartieri Ewropej tan-Negozju jistgħu jilliberaw € 150 biljun oħra fi ffrankar kull sena.
Simplifikazzjoni diġitali
L-Omnibus diġitali l-ġdid għandu l-għan li jissimplifika r-regoli eżistenti dwar l-intelliġenza artifiċjali (IA), iċ-ċibersigurtà u d-data.
Regoli tal-IA li jiffavorixxu l-innovazzjoni
L-implimentazzjoni effiċjenti tal-Att dwar l-IA tibbenefika lis-soċjetà, is-sikurezza u d-drittijiet fundamentali. Madankollu, dan jeħtieġ gwida u appoġġ ċari. Il-kumpaniji se jkollhom japplikaw biss ir-regoli għas-sistemi tal-IA b’riskju għoli ladarba l-għodod u l-istandards ta’ appoġġ meħtieġa jkunu fis-seħħ. Dan jagħtihom sa 16-il xahar biex jikkonformaw. Din l-inizjattiva tipproponi wkoll emendi mmirati għall-Att dwar l-IA, inklużi regoli aktar sempliċi, opportunitajiet għall-ittestjar fid-dinja reali u sorveljanza ċentralizzata tas-sistemi tal-IA.
Is-simplifikazzjoni tar-rapportar dwar iċ-ċibersigurtà
Attwalment, il-kumpaniji jridu jirrapportaw inċidenti taċ-ċibersigurtà taħt diversi liġijiet differenti. Il-pakkett jintroduċi punt ta’ dħul uniku fejn il-kumpaniji jistgħu jissodisfaw l-obbligi kollha ta’ rapportar tal-inċidenti.
Barra minn hekk, biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u tiġi appoġġata l-konformità, emendi mmirati għar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) se jarmonizzaw, jiċċaraw u jissimplifikaw ċerti regoli, mingħajr ma jbaxxu l-istandards tal-protezzjoni tad-data. Regoli modernizzati dwar il-cookies se jtejbu l-esperjenza tal-utenti online.
Titjib fl-aċċess għad-data
Ir-regoli tad-data jsiru aktar sempliċi u prattiċi għall-konsumaturi u n-negozji bil-
- konsolidazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-data permezz tal-Att dwar id-Data
- l-introduzzjoni ta’ eżenzjonijiet immirati għal xi wħud mir-regoli tal-Att dwar id-Data dwar il-bdil tal-cloud għall-SMEs u l-SMCs
- l-offerta ta’ gwida ġdida dwar il-konformità mal-Att dwar id-Data
- tingħata spinta lill-kumpaniji Ewropej tal-IA billi jinfetaħ l-aċċess għal settijiet ta’ data ta’ kwalità għolja u ġodda għall-IA.
Strateġija għal unjoni tad-data
L-istrateġija l-ġdida għall-unjoni tad-data tiddeskrivi miżuri addizzjonali biex tinfetaħ data ta’ kwalità għolja għall-IA. Dan jinklud
- l-espansjoni tal-aċċess permezz ta’ għodod bħal-laboratorji tad-data
- il-ħolqien ta’ Helpdesk Legali tal-Att dwar id-Data
- it-tisħiħ tas-sovranità tad-data tal-Ewropa b’miżuri biex tiġi protetta data sensittiva mhux personali u jiġi żgurat trattament ġust tad-data tal-UE barra mill-pajjiż.
Kartiera Ewropea tan-Negozju
Il-Kartieri Ewropej tan-Negozju għandhom il-għan li jnaqqsu l-proċessi u l-kostijiet amministrattivi. Jippermettu lill-kumpaniji jiddiġitalizzaw l-operazzjonijiet u l-interazzjonijiet, ħalli ma jkollhomx għalfejn isiru personalment. In-negozji se jkunu jistgħu
- jiffirmaw b’mod diġitali, joħolqu kronogramma u siġill tad-dokumenti
- joħolqu, jaħżnu u jiskambjaw b’mod sigur dokumenti vverifikati
- jikkomunikaw b’mod sigur ma’ negozji jew amministrazzjonijiet pubbliċi oħra madwar l-UE.
Il-proposti leġiżlattivi tal-omnibus diġitali issa se jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-adozzjoni. Barra minn hekk, tnieda wkoll kontroll tal-idoneità diġitali, li jinkludi konsultazzjoni pubblika wiesgħa.
Dan is-sett ta’ miżuri jissejjaħ is-seba’ omnibus. Il-Kummissjoni qed taħdem fuq is-simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE biex tagħmel l-ekonomija tal-UE aktar kompetittiva u aktar prospera. Għandha l-għan li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi b’mill-inqas 25 %, u 35 % għall-SMEs, sa tmiem l-2029.
Għal aktar informazzjoni
Mistoqsijiet u tweġibiet — Il-pakkett diġitali
Skeda informattiva — pakkett diġitali
Skeda informattiva — il-Kartiera Ewropea tan-Negozju
Paġna tal-fatti — unjoni tad-data
Omnibus diġitali dwar l-IA (Regolament)
Il-Kartiera Ewropea tan-Negozju (Regolament)
Strateġija għal Unjoni tad-Data (Komunikazzjoni)
- Data tal-pubblikazzjoni
- 19 Novembru 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni