Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Prodotti diġitali aktar sikuri

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 11 Settembru 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari
Close up of baby monitor in kitchen with a woman in the background

 

Kemm il-prodotti tal-hardware kif ukoll dawk tas-software huma dejjem aktar esposti għal ċiberattakki. Minn monitors tat-trabi u smartwatches għal apps u programmi tal-kompjuter, il-prodotti b’elementi diġitali huma parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika (CRA) isaħħaħ iċ-ċibersigurtà ta’ dawn il-prodotti u jipproteġi aħjar lill-konsumaturi u lin-negozji mit-theddid ċibernetiku.

Mill-11 ta’ Settembru 2026, il-manifatturi jeħtiġilhom jirrapportaw kwalunkwe vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv u inċident serju li jkollhom impatt fuq is-sigurtà tal-prodotti tagħhom. Huma jridu jissottomettu twissija bikrija fi żmien 24 siegħa, segwita minn notifika sħiħa fi żmien 72 siegħa. Imbagħad irid jiġi ppreżentat rapport finali mhux aktar tard minn 14-il jum wara li tkun disponibbli miżura korrettiva jew ta’ mitigazzjoni għal vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv, u fi żmien xahar għal inċident serju. 

Fil-prattika, dan ifisser li l-konsumaturi jistgħu jiddependu fuq notifiki aktar rapidi u protezzjoni aktar b’saħħitha għall-apparati konnessi tagħhom, bħal sistemi ta’ llokkjar tal-bibien, li jżommu d-dar tagħhom sikura u sigura f’każ ta’ attakk ċibernetiku. 

L-obbligi ta’ rapportar japplikaw għall-prodotti kollha b’elementi diġitali magħmula disponibbli fl-UE, inklużi dawk diġà fis-suq. Il-manifatturi se jissottomettu n-notifiki tagħhom permezz tal-Pjattaforma Unika ta’ Rapportar tas-CRA, stabbilita u miżmuma mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà.

Il-Kummissjoni ppubblikat gwida prattika biex tgħin lill-manifatturi, lill-iżviluppaturi u lin-negozji jissodisfaw l-obbligi tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq se jiżguraw l-infurzar tar-regoli. 

L-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika jibni fuq l-istrateġija tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà u l-istrateġija tal-UE dwar l-unjoni tas-sigurtà. Għandha l-għan li ssaħħaħ l-approċċ tal-UE għaċ-ċibersigurtà. Ir-regoli l-ġodda jirrikjedu li l-prodotti b’elementi diġitali jitfasslu, jiġu aġġornati u jinżammu biex l-utenti jiġu protetti mir-riskji għas-sigurtà. Il-markatura CE se tgħinhom jidentifikaw prodotti li jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-CRA. 

L-obbligi ewlenin introdotti mill-Att se japplikaw mill-11 ta’ Diċembru 2027, filwaqt li l-obbligi ta’ rapportar japplikaw mill-11 ta’ Settembru 2026. 

Għal iktar informazzjoni

L-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika

Nipproteġu l-ħajja diġitali tiegħek

ENISA - FAQ

L-ekonomija u s-soċjetà diġitali

Data tal-pubblikazzjoni
11 Settembru 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni