
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat strateġija ġdida ta’ ħames snin dwar il-migrazzjoni. li se tgħin biex torjenta l-ħidma futura tal-UE dwar l-ażil u l-migrazzjoni bi prijoritajiet konkreti, b’mod partikulari billi ssostni t-tnaqqis fil-wasliet illegali, filwaqt li fl-istess ħin tinkoraġġixxi perkorsi legali lejn l-UE. It-tnejn huma meħtieġa biex is-sistema tal-migrazzjoni u l-ażil taħdem, u biex is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna jirnexxu.
B’fedeltà lejn il-valuri Ewropej tal-ħolqien ta’ sistema li tkun ġusta u soda u msejsa fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-istrateġija tistabbilixxi t-triq ’il quddiem fir-rigward ta’ tliet objettivi:
- li nipprevjenu l-migrazzjoni illegali u niżmantellaw in-negozju tan-networks kriminali tal-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ persuni
- li nipproteġu lin-nies li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra u mill-persekuzzjoni filwaqt li nipprevjenu l-abbuż tas-sistema
- li nattiraw it-talent lejn l-UE biex nagħtu spinta lill-kompetittività tal-ekonomiji tagħna
Biex naslu għal dan, l-istrateġija tidentifika ħames prijoritajiet:
- Kooperazzjoni aktar b’saħħitha fuq il-migrazzjoni: L-UE se taħdem aktar mill-qrib ma’ pajjiżi oħrajn biex tiżgura li l-migrazzjoni tiġi ġestita b’mod effettiv u li d-drittijiet tan-nies jiġu protetti. Dan jinkludi l-intensifikazzjoni tal-ġlieda globali kontra l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti.
- Fruntieri tal-UE b’saħħithom għat-tisħiħ tal-kontroll u s-sigurtà: L-UE għandha l-għan li tikkontrolla aħjar lil min jidħol fit-territorju tagħha billi ssaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri. Dan jinkludi l-introduzzjoni tas-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES, Entry/Exit System) u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS, European Travel Information Authorisation System) il-ġdida, biex tinħoloq l-aktar sistema diġitali avvanzata tal-ġestjoni tal-fruntieri fid-dinja.
- Sistema tal-ażil u tal-migrazzjoni soda, ġusta, u adattabbli: Il-Kummissjoni se tgħin lill-pajjiżi tal-UE fl-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda b’timijiet tal-pajjiżi apposta u se tassisti lill-pajjiżi taħt pressjoni migratorja, f’konformità mal-prinċipju tas-solidarjetà tal-Patt.
- Ritorn u riammissjoni aktar effettivi: L-UE se ttejjeb il-mod kif jiġu rritornati l-persuni mingħajr id-dritt li jibqgħu, filwaqt li tiżgura li l-proċess ikun rapidu, effettiv, u dinjituż. Dan jinkludi l-ħolqien ta’ sistema komuni għar-ritorn u t-titjib tar-riammissjoni min-naħa tal-pajjiżi terzi.
- Niġbdu lejna l-ħaddiema u l-ħiliet: Biex tibqa’ kompetittiva, l-UE qed tattira talent minn madwar id-dinja. Dan se jespandi s-Sħubijiet għat-Talenti eżistenti u jniedi oħrajn ġodda, u se jrendi r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet barranin aktar faċli u aktar rapidu.
L-istrateġija tippromwovi wkoll l-użu sħiħ tad-diġitalizzazzjoni u tal-intelliġenza artifiċjali fil-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni. Dan se jgħin biex jittejbu l-kwalità u l-puntwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll biex tissaħħaħ is-sigurtà, filwaqt li jiġu offruti servizzi aħjar lin-nies.
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ressqet l-ewwel strateġija tal-UE dwar il-viżi. L-istrateġija dwar il-viżi sserraħ fuq tliet oqsma ewlenin:
- Sigurtà aktar qawwija: L-UE se timmodernizza kif jingħata u jiġi mmonitorjat l-ivvjaġġar mingħajr viża, issaħħaħ il-monitoraġġ tar-reġimi eżistenti mingħajr viża, tintroduċi miżuri restrittivi possibbli dwar il-viżi meta jkun meħtieġ, u ssaħħaħ is-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.
- Spinta lill-prosperità u lill-kompetittività: Miżuri ġodda se jagħmlu lill-UE aktar attraenti għall-ħaddiema tas-sengħa, u jagħmlu l-ivvjaġġar leġittimu aktar faċli u aktar prevedibbli. Dan jinkludi proċeduri diġitali ġodda kemm għall-vjaġġaturi li ma jeħtiġux viża kif ukoll għal dawk li jeħtiġuha, u viżi għal dħul multiplu b’validità itwal għal vjaġġaturi fdati.
- Għodod moderni tal-viża: Sal-2028, l-UE se tkun għamlet interoperabbli s-sistemi tal-IT tagħha għall-viżi u għall-fruntieri. Dan se jippermetti li l-awtoritajiet iwettqu tfittxijiet f’diversi bażijiet ta’ data f’daqqa u permezz ta’ tfittxija unika u ċentrali, jittejjeb il-mod kif tinqasam l-informazzjoni u jiġi evitat l-abbuż tal-viża.
Għal aktar tagħrif
L-Istrateġija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni
Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil
L-Istrateġija tal-UE dwar il-Viżi
Ir-rakkomandazzjoni fuq kif nattiraw it-talent għall-innovazzjoni
Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tippreżenta strateġija ta’ ħames snin dwar il-migrazzjoni
Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tadotta l-ewwel Strateġija tal-UE dwar il-Viżi
- Data tal-pubblikazzjoni
- 29 Jannar 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni