
Il-Kummissjoni Ewropea ressqet abbozz tal-baġit annwali tal-UE għall-2026. Dan jibbaża fuq ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-baġit fit-tul tal-UE (2021–2027) li indirizzat sensiela ta’ żviluppi reċenti u mhux previsti, fosthom pandemija globali, kriżi tal-enerġija u tensjonijiet ġeopolitiċi dejjem akbar madwar id-dinja. Bi qbil ma’ dan, il-baġit annwali tal-2026 se jappoġġa l-prijoritajiet tal-UE bħall-appoġġ għall-Ukrajna, il-kompetittività, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, is-sigurtà u d-difiża, u l-investimenti strateġiċi, kif ukoll l-appoġġ kontinwu għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.
L-abbozz tal-baġit tal-2026 huwa stabbilit għal €193.26 biljun, ikkomplementat b’madwar €105.32 biljun fl-ambitu ta’ NextGenerationEU, l-istrument tal-UE biex jappoġġa l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa mill-pandemija tal-coronavirus.
Minbarra li jiffinanzja l-prijoritajiet strateġiċi tal-UE, l-abbozz tal-baġit jipprevedi finanzjament addizzjonali bħala parti mill-proposta tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni li tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jipprogrammaw mill-ġdid il-finanzjament ta’ koeżjoni għall-prijoritajiet emerġenti, bħall-kompetittività, id-difiża, l-akkomodazzjoni affordabbli, ir-reżiljenza idrika u t-tranżizzjoni tal-enerġija.
Fost politiki oħra, il-baġit annwali tal-2026 se jkun allokat għal dawn l-oqsma:
- suq uniku, innovazzjoni u diġitali – €22,054.4 miljun
- koeżjoni, reżiljenza u valuri – € 71,726.1 miljun
- riżorsi naturali u ambjent – €56,971.9 miljun
- migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri – €5,010.0 miljun
- sigurtà u difiża – €2,803.5 miljun
- il-viċinat u d-dinja – €15,505.0 miljun
Il-baġit annwali tal-2026 se jkollu jiġi adottat formalment mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill qabel l-aħħar tas-sena.
Għal aktar informazzjoni
Questions and Answers about the Draft Annual Budget 2026
Id-dokumenti kollha tal-baġit annwali tal-UE
- Data tal-pubblikazzjoni
- 4 Ġunju 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni