Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Liż-żgħażagħ nagħtuhom leħen aktar b’saħħtu fit-tfassil tal-politika tal-UE

Kif tħabbar mill-President von der Leyen fil-linji gwida politiċi tagħha, il-Kummissjoni stabbiliet il-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ għall-President.  

Dan jagħti pariri lill-President dwar kwistjonijiet li huma l-aktar importanti għaż-żgħażagħ, jikkondividi l-perspettivi tagħhom dwar il-politiki żviluppati mill-Kummissjoni, u jpoġġi liż-żgħażagħ fil-qalba tat-tfassil tal-politika tal-UE. 

Kif jaħdem il-bord? 

Il-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ għall-President ilaqqa’ ’l fuq minn 30 rappreżentant żagħżugħ, wieħed mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ta’ kull Stat Membru, wieħed mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, u osservaturi minn pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għall-adeżjoni mal-UE. 

Dawn jiltaqgħu mal-President biex jiskambjaw fehmiet dwar kwistjonijiet li għandhom impatt sinifikanti fuq iż-żgħażagħ.

L-ewwel laqgħa tal-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ għall-President saret fit-3 ta’ Diċembru 2025 u ffukat fuq is-sikurezza u l-benesseri online. Il-parteċipanti ddiskutew l-użu tal-midja soċjali miż-żgħażagħ, l-opportunitajiet u r-riskji li ġġib magħha, inklużi l-impatti fuq is-saħħa mentali, ix-xejriet emerġenti, u l-età maġġuri diġitali. 

Għaliex dan huwa importanti? 

Li nappoġġjaw liż-żgħażagħ huwa fundamentali għall-azzjoni tal-Kummissjoni. Irriduhom ikollhom aktar libertà, aktar opportunitajiet, u aktar responsabbiltajiet fis-soċjetajiet tagħna. Huwa essenzjali li leħinhom jinstema’, sabiex l-esperjenza u l-perspettiva tagħhom ikunu jistgħu jorjentaw il-ħidma tagħna. 

Permezz tal-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ, iż-żgħażagħ issa jieħdu sehem fi djalogu dirett mal-President tal-Kummissjoni. Dan ipoġġi liċ-ċittadini żgħażagħ fiċ-ċentru tad-demokrazija tagħna, u jiżgura li l-politiki tal-UE jirriflettu t-tamiet u t-tħassib tagħhom. 

X’qed nagħmlu biex leħen iż-żgħażagħ jingħata widen

Il-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ għall-President jibni fuq il-ħidma ta’ inizjattivi preċedenti mmirati lejn l-involviment attiv taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika tal-UE. 

Kull sena, kull wieħed u waħda mill-Kummissarji jorganizzaw Djalogu ta’ Politika maż-Żgħażagħ, li fih jiltaqgħu ma’ gruppi ta’ żgħażagħ mill-UE kollha biex jitkellmu dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti, li jvarjaw mill-akkomodazzjoni u l-klima sal-ħiliet u s-saħħa. Dawn id-djalogi jagħtu liż-żgħażagħ l-opportunità li jitkellmu direttament ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u jiżguraw li leħinhom jingħata widen meta jkunu qed jitfasslu l-politiki.  

Il-Kummissjoni introduċiet ukoll il-“verifika taż-żgħażagħ” biex tivvaluta l-impatt tal-politiki tal-UE fuq iż-żgħażagħ fl-istadju tat-tfassil tal-politiki, u b’hekk jiġi żgurat li l-ħtiġijiet u l-perspettivi taż-żgħażagħ jiġu integrati mill-bidu.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 24 Lulju 2026