
Kull sena, fit-30 ta’ Marzu, ikollna l-jum internazzjonali ‘Żero Skart’ biex infakkru l-importanza li l-iskart jiġi mmaniġġjat b’mod responsabbli u biex ninkoraġġixxu s-sostenibbiltà fil-konsum u fil-produzzjoni. Fl-UE, persuna normalment tipproduċi 511-il kg skart kull sena u huwa biss 38% tal-iskart li jiġi riċiklat. Din hija sfida serja u l-UE qed tieħu azzjoni biex tindirizzaha. Ejjew nagħtu ħarsa lejn kif qed tagħmel dan.
Hemm tliet objettivi ewlenin li jirregolaw il-mod kif qed taħdem l-UE dwar il-ġestjoni tal-iskart:
- it-titjib tal-immaniġġjar tal-iskart
- il-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tar-riċiklaġġ
- il-limitazzjoni tar-rimi fil-miżbliet
Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart hija l-qafas legali tal-UE għat-trattament u l-ġestjoni tal-iskart fl-UE. Din tintroduċi ordni ta’ preferenza għall-immaniġġjar tal-iskart imsejħa il-“ġerarkija tal-iskart”, fejn il-prevenzjoni hija l-għażla ppreferuta u r-rimi huwa l-aħħar għażla. Hemm ukoll ħafna regoli tal-UE, aktar immirati, dwar kollox— mill-batteriji sal-iskart bijodegradabbli u mit-tbaħħir sal-vetturi li m’għadhomx jintużaw.
Fi Frar, daħlu fis-seħħ ir-regoli tal-UE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, li għandhom l-għan li jnaqqsu l-użu tal-plastik li jintuża darba biss, li jwassal għal volum massiv ta’ skart fl-ambjent. Dan jinkludi, pereżempju, kontenituri żgħar tal-plastik għall-kondimenti, għaz-zlazi, għaz-zokkor, u għas-sostituti tal-ħalib għal mal-kafè, li jintużaw darba biss u mbagħad jintremew, u li għandhom jiġu mfittxija alternattivi għalihom.
Il-ħidma lejn ekonomija aktar ċirkolari u reżiljenti m’għandhiex x’taqsam biss mas-sostenibbiltà ambjentali iżda daqstant ieħor ma’ li tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE. B’ħarsitha lejn il-futur u biex tikkontribwixxi għall-ħolqien tad-domanda tas-suq għal materjali sekondarji u ta’ suq uniku għall-iskart, il-Kummissjoni qed tippjana att leġiżlattiv ġdid dwar l-ekonomija ċirkolari li huwa previst għall-2026.
Għal aktar informazzjoni
- Data tal-pubblikazzjoni
- 31 Marzu 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Aħbarijiet relatati
Shipbreaking: Updated list of European ship recycling facilities to include seven new yards
Publication of new EU environmental standards for the waste incineration sector
Commission publishes evaluation of the EU Batteries Directive
European Commission in Sofia to discuss Circular Economy opportunities