
Il-Jum għal Internet aktar Sikur jippromwovi użu aktar sikur u aktar responsabbli tat-teknoloġija online, speċjalment għat-tfal u ż-żgħażagħ.
Din is-sena, dan il-Jum se jkun fil-11 ta’ Frar u qed isir appell lill-partijiet ikkonċernati madwar id-dinja biex jieħdu passi konkreti biex jagħmlu l-internet aktar sikur u aktar inklużiv għal kulħadd. Iċ-ċelebrazzjonijiet u l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni se jsiru matul Frar u kulħadd huwa mistieden jingħaqad mal-moviment.
Fl-UE, 97% taż-żgħażagħ jużaw l-internet kuljum. L-UE hija impenjata li tiżgura li kulħadd ikun sikur online. Peress li l-minorenni huma fost l-aktar gruppi vulnerabbli, l-UE tagħmel enfasi speċifika fuq il-protezzjoni tagħhom permezz ta’ diversi inizjattivi:
- L-Att dwar is-Servizzi Diġitali: biex niġġieldu kontra l-bullying ċibernetiku, il-kontenut illegali, id-diżinformazzjoni, u affarijiet oħrajn. Dan jesiġi li l-pjattaformi online jimplimentaw salvagwardji aktar b’saħħithom għall-minorenni, inklużi l-kontrolli tal-ġenituri, il-verifika tal-età, u l-limiti fuq ir-reklamar immirat.
- In-network taċ-Ċentri għal Internet iktar Sikur: biex noffru kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, linji telefoniċi għall-għajnuna, linji telefoniċi diretti, u servizzi ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Dawn jagħtu lit-tfal, lill-ġenituri, u lill-edukaturi għodod u għarfien biex jirrikonoxxu t-theddid online u jirrapportaw kontenut dannuż.
- Internet Aħjar għat-Tfal: strateġija biex jinħolqu esperjenzi diġitali aktar sikuri għat-tfal. Din tipproteġihom minn kontenut dannuż u illegali, toħloq ambjent diġitali adattat skont l-età, tagħtihom il-ħiliet diġitali meħtieġa biex ikollhom il-kapaċità li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tagħhom, u tappoġġa l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil tal-politiki tal-internet.
Il-Jum għal Internet aktar Sikur beda bħala inizjattiva tal-UE fl-2004 u minn dak iż-żmien ’l hawn żviluppa f’moviment globali, li jiġi ċċelebrat f’aktar minn 180 pajjiż kull sena. B’ħidma flimkien, dawk li jfasslu l-politika, ir-rappreżentanti tal-industrija, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-edukaturi, u ż-żgħażagħ infushom jgħinu biex tinħoloq dinja diġitali aktar sikura għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Għal aktar informazzjoni
Il-Jum għal Internet aktar Sikur
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali
- Data tal-pubblikazzjoni
- 11 Frar 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Aħbarijiet relatati
Sir af aktar dwar il-kampanja tal-UE biex tippromwovi ċ-ċibersigurtà fl-Ewropa u dwar x’qed tagħmel l-UE biex inħejju u nirreaġixxu aħjar għat-theddid relatat maċ-ċibersigurtà
L-UE qed toffri passes tal-ivvjaġġar tad-DiscoverEU liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena biex jesploraw l-Ewropa. L-applikazzjonijiet miftuħin sal-15 ta’ Ottubru 2026.
Fil-11 ta’ Settembru 2026, jidħlu fis-seħħ obbligi ġodda ta’ rapportar skont l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika (CRA) fl-UE kollha. L-Att se jsaħħaħ iċ-ċibersigurtà tal-prodotti tas-software u tal-hardware b’elementi diġitali u se jipproteġi aħjar lill-konsumaturi u lin-negozji mit-theddid ċibernetiku.
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan biex tindirizza r-riskji u tisfrutta l-opportunitajiet tal-intelliġenza artifiċjali (IA) avvanzata fiċ-ċibersigurtà.