
Qed jikber it-tħassib dwar ir-riskji li t-tfal u l-adolexxenti jiffaċċjaw meta jużaw il-pjattaformi online, li joħolqu dipendenza kbira u li huma mfasslin biex jaħtfu l-attenzjoni tagħhom għall-itwal żmien possibbli.
Il-protezzjoni tat-tfal online hija prijorità għall-Kummissjoni Ewropea. Huwa għalhekk li pproponejna KIDS Act ġdid, biex nintroduċu l-adozzjoni gradwali tal-midja soċjali għat-tfal fl-UE.
Dan se japplika għas-servizzi online użati mill-minorenni, inklużi l-midja soċjali, il-pjattaformi tal-video-sharing, il-logħob online, u l-IA tal-kumpanija u ċ-chatbots tal-IA.
Aċċess ittardjat għall-midja soċjali
Skont il-proposta, l-aċċess għall-midja soċjali se jkun ibbażat fuq l-età.
- Taħt it-13-il sena: it-tfal mhux se jkunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi tal-midja soċjali. Xorta jistgħu jużaw servizzi ta’ video-sharing adattati għat-tfal permezz ta’ kont li jimmaniġġjah ġenitur jew kustodju.
- Minn 13-il sena sa taħt il-15-il sena: it-tfal se jkunu jistgħu jużaw il-midja soċjali permezz ta’ minikont li jimmaniġġjah ġenitur jew kustodju, b’funzjonijiet limitati u b’restrizzjoni tal-ħin ta’ siegħa waħda kuljum.
- Mill-età ta’ 15 ’il fuq: it-tfal se jkunu jistgħu jiftħu u jimmaniġġjaw il-kont tal-midja soċjali tagħhom stess.
Sikurezza integrata fid-disinn
Is-servizzi online użati mill-minorenni se jkollhom joffru protezzjoni aktar b’saħħitha b’mod awtomatiku.
Dan jinkludi
- restrizzjonijiet fuq funzjonijiet li jistgħu jinkoraġġixxu użu eċċessiv, bħal skrolljar bla waqfien, manuvri li jwiegħdu l-premjijiet, u notifiki mibgħutin awtomatikament matul il-ħinijiet tal-irqad
- il-projbizzjoni ta’ kuntatt mhux mitlub minn stranġieri
- l-iżgurar li l-profili għall-minorenni jkunu privati b’mod awtomatiku
- id-disponibbiltà ta’ modi faċli biex jiġu imblukkati jew imsikktin utenti oħrajn
Anki ċ-chatbots tal-IA u l-IA tal-kumpanija jridu jkunu mitfijin b’mod awtomatiku, u mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jaġixxu b’modi li jagħmlu lit-tfal emozzjonalment dipendenti fuqhom.
Verifiki tal-età
Is-servizzi online u l-app stores se jkollhom jużaw għodod biex jivverifikaw l-etajiet tal-utenti, filwaqt li jipproteġu l-privatezza tagħhom. Jistgħu, pereżempju, jużaw l-app tal-UE għall-verifika tal-età, li ma żżommx dokumenti tal-identità jew data bijometrika.
Meta jinfetaħ kont ġdid, is-servizzi tal-midja soċjali u l-pjattaformi tal-video-sharing se jkunu obbligati jivverifikaw l-età.
Aktar responsabbiltà fuq il-pjattaformi
L-EU KIDS Act se jċaqlaq ukoll l-oneru tal-prova mingħand ir-regolaturi għal għand il-pjattaformi. Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna se jkollhom juru li s-servizzi tagħhom huma sikuri għat-tfal u mfasslin b’mod li jħares il-benesseri tagħhom.
Il-proposta hija msejsa fuq il-ħidma tal-bord speċjali ta’ esperti, li ġie stabbilit mill-President von der Leyen biex jiġi żviluppat approċċ Ewropew b’saħħtu u prattiku biex it-tfal jinżammu ’l bogħod mill-periklu online.
Issa se tiġi eżaminata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li se jinnegozjaw u jiddeċiedu dwar it-test finali qabel ma jsir liġi.
Għal iktar informazzjoni
- L-EU KIDS Act
- Stqarrija għall-istampa
- Skeda informattiva
- Mistoqsijiet u tweġibiet
- Ipproteġi l-ħajja diġitali tiegħek
- Spjegazzjoni b’mod viżiv - Safe clicks
- Data tal-pubblikazzjoni
- 17 Settembru 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni