
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet miżuri biex issaħħaħ ir-rispons tal-UE għal xenarju kriminali li qed jevolvi u li qed isir aktar sofistikat, internazzjonali u diġitali. Sabiex il-kriminalità tiġi indirizzata b’mod effettiv, il-pulizija, id-dwana, il-prosekuturi u l-qrati jridu jaħdmu flimkien mill-qrib mill-bidu tal-investigazzjonijiet sas-sentenzi finali.
L-Europol u l-Eurojust huma aġenziji tal-UE li huma ċentrali għar-rispons tal-UE għan-networks tal-kriminalità transfruntiera organizzata, għat-terroristi u għall-atturi ostili. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li ssaħħaħ il-kapaċitajiet u r-rwoli tagħhom biex itejbu l-ġlieda kontra l-kriminalità, iressqu lill-kriminali quddiem il-ġustizzja b’mod aktar effiċjenti u jipproteġu aħjar liċ-ċittadini tal-UE.
L-Europol – appoġġ lill-pajjiżi tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità bejn il-fruntieri
Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li l-Europol tkun tista’ tappoġġa aħjar lill-pajjiżi tal-UE:
- kondiviżjoni awtomatizzata u aktar rapida tal-informazzjoni li tippermetti kollaborazzjoni f’ħin reali dwar l-investigazzjonijiet
- l-istabbiliment ta’ Uffiċċji ta’ Appoġġ tal-Europol b’persunal minn eks uffiċjali tal-Europol li joffru aktar appoġġ operazzjonali lill-pajjiżi tal-UE
- il-ħolqien ta’ ċentru tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni li jista’ jipprovdi stampa fl-UE kollha tal-ħtiġijiet tal-kapaċità għall-infurzar tal-liġi
- kooperazzjoni aktar b’saħħitha mal-aġenziji u mal-korpi tal-UE bħall-Eurojust u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u kooperazzjoni internazzjonali msaħħa mal-pajjiżi sħab biex tiġi indirizzata b’mod konġunt il-kriminalità transfruntiera globali
L-Eurojust – appoġġ għall-prosekuturi nazzjonali u għall-awtoritajiet ġudizzjarji
Ir-regoli l-ġodda se jsaħħu l-kapaċitajiet tal-Eurojust permezz ta’
- appoġġ operazzjonali aktar b’saħħtu sabiex l-Eurojust tkun tista’ taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess biex tidentifika rabtiet bejn il-każijiet
- l-espansjoni tal-mandat tal-Eurojust f’oqsma emerġenti ta’ kriminalità, bħaċ-ċiberkriminalità jew il-vjolenza abbażi tal-ġeneru
- it-titjib tat-teħid tad-deċiżjonijiet, bi proċessi aktar aġli u azzjoni aktar rapida f’każijiet urġenti u kumplessi
- it-titjib tal-kooperazzjoni mal-Europol u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
- impenn internazzjonali aktar b’saħħtu ma’ pajjiżi terzi
Dawn l-azzjonijiet se jtejbu l-kooperazzjoni u l-komplementarjetà bejn l-aġenziji tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-pulizija, id-dwana u l-qrati.
Fost miżuri oħra, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li taġġorna l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, proċedura rapida u standard għall-ġbir transfruntier ta’ evidenza minn pajjiżi oħra tal-UE f’materji kriminali, biex tagħmilha aktar faċli li din l-Ordni tiġi applikata.
Tintroduċi wkoll Ordni Ewropea ta’ Parteċipazzjoni Remota ġdida biex il-persuni suspettati, l-imputati u l-vittmi jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod remot f’seduti tal-qorti kriminali minn pajjiż differenti tal-UE.
Għal aktar informazzjoni
Skeda informattiva dwar il-mandat il-ġdid tal-Europol
Skeda informattiva dwar il-mandat il-ġdid tal-Eurojust
Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Interna
Dwar l-Europol – Għajnuna biex l-Ewropa ssir aktar sikura
- Data tal-pubblikazzjoni
- 24 Ġunju 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni