Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2024: UE mgħammra aħjar biex tiffaċċja l-isfidi tal-istat tad-dritt

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 24 Lulju 2024
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari
The statuette of Themis, goddess of divine justice

 

Il-Kummissjoni ppubblikat il-ħames Rapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt li jimmonitorja l-iżviluppi sinifikanti u jqis is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-pajjiżi kollha tal-UE. Dan juri li l-UE hija mħejjija ħafna aħjar minn 5 snin ilu biex tidentifika, tipprevjeni u tindirizza l-isfidi emerġenti. Dan ifisser demokraziji Ewropej aktar reżiljenti, fiduċja reċiproka fl-UE, funzjonament tajjeb tas-suq uniku u ambjent tan-negozju li jrawwem il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli.

Kull sena, ir-rapport jinkludi rakkomandazzjonijiet ġodda għall-pajjiżi tal-UE. 68% tar-rakkomandazzjoni tal-2023 ġew indirizzati, kompletament jew parzjalment, u dan juri li r-rapport sar mutur veru ta’ riformi pożittivi. Madankollu, f’xi pajjiżi tal-UE għad hemm tħassib sistematiku u s-sitwazzjoni kompliet tiddeterjora. 

L-edizzjoni ta’ din is-sena tintroduċi wkoll kapitli dwar l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja, biex tappoġġja l-isforzi ta’ riforma tagħhom u tiżgura ħidma kontinwa fuq l-istat tad-dritt biex isir aktar progress lejn is-sħubija fl-UE. 

Sejbiet u rakkomandazzjonijiet ewlenin tar-rapport tal-2024:

  1. Riformi fil-qasam tal-ġustizzja: Inbdew riformi importanti biex tissaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja. Madankollu, għad hemm tħassib sistemiku fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja u ġew osservati każijiet speċifiċi ta’ deterjorament. Hemm bżonn ta’ salvagwardji fil-proċeduri tal-ħatra ġudizzjarja, l-awtonomija tas-servizz tal-prosekuzzjoni u riżorsi adegwati.
  2. Oqsfa kontra l-korruzzjoni: Il-korruzzjoni għada ta’ tħassib serju, madankollu, il-pajjiżi tal-UE sejrin aħjar fil-ġlieda kontriha – huma żiedu r-riżorsi dwar il-kapaċità tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni u l-ġudikatura. Hija meħtieġa aktar azzjoni biex jissaħħu l-oqfsa preventivi u jiġu żgurati l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettivi ta’ każijiet ta’ korruzzjoni.
  3. Libertà u pluraliżmu tal-media: Ittieħdu passi konkreti biex jittejbu s-sikurezza tal-ġurnalisti u l-ambjent tax-xogħol, u l-kompiti u l-kompetenzi ta’ diversi regolaturi nazzjonali tal-media ġew estiżi. Għad hemm tħassib fir-rigward tal-governanza indipendenti jew l-istabbiltà finanzjarja tax-xandara tal-mezzi tax-xandir tas-servizz pubbliku, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti pubbliċi u l-allokazzjoni trasparenti u ġusta tar-reklamar mill-Istat. Ir-rakkomandazzjonijiet jiffukaw fuq dawn l-oqsma biex jiġi żgurat xenarju tal-media ħieles u pluralistiku.
  4. Kontrolli u bilanċi istituzzjonali: Ġew innutati sforzi biex jittejbu l-proċessi leġiżlattivi. Madankollu, għad hemm sfidi, inklużi l-użu eċċessiv ta’ proċeduri aċċellerati, il-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet, u r-restrizzjonijiet li jiffaċċjaw is-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom l-għan li jsaħħu l-proċessi leġiżlattivi u li jappoġġjaw il-funzjonament ta’ awtoritajiet indipendenti.

L-Istat tad-dritt huwa parti integrali mill-identità proprja tal-UE u prekundizzjoni għar-rispett ta’ valuri oħra. Skont l-aħħar edizzjoni tal-istħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru, aktar minn 7 minn kull 10 ċittadini tal-UE jaqblu li l-UE għandha rwol importanti biex tgħin fil-ħarsien tal-istat tad-dritt f’pajjiżhom. Kważi 9 minn kull 10 ċittadini tal-UE jaħsbu li huwa importanti li l-pajjiżi kollha tal-UE jirrispettaw il-valuri ewlenin tal-UE.

Skopri aktar

Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt – stqarrija għall-istampa

Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2024

L-Istat tad-Dritt 2024 – Rakkomandazzjonijiet

Rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Dritt – Kapitoli tal-Pajjiżi

L-Istat tad-Dritt

Iċ-Ċiklu Annwali tal-Istat tad-Dritt – Skeda informattiva

Ewrobarometru Speċjali dwar l-Istat tad-Dritt

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
24 Lulju 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni