Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Chernobyl 40 snin wara: Nitgħallmu mill-passat

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 24 April 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari
Two people in protective gear stand in front of the New Safe Confinement at Chernobyl

 

Fis-sigħat bikrin tas-26 ta’ April 1986, dak li kellu jkun test ta’ rutina fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl, malajr eskala fl-ikbar aċċident nukleari fid-dinja. Taħlita ta’ difetti fatali fid-disinn tar-reattur u żball uman, wasslu għal splużjoni katastrofika, li rrilaxxat ammonti kbar ta’ radjazzjoni.

L-għadd reali ta’ vittmi ta’ dan id-diżastru qatt mhu se jkun magħruf, iżda madwar 350,000 persuna ġew spostati fis-snin ta’ wara, filwaqt li madwar 600,000 persuna poġġew ħajjithom f’riskju biex jipparteċipaw fl-operazzjonijiet ta’ konteniment. 

40 sena wara, Chernobyl sar eżempju ta’ kif ningħaqdu flimkien biex nagħmlu tajjeb għal xi ħaġa ħażina.

L-UE u l-Ukrajna ilhom jikkollaboraw rigward is-sikurezza nukleari sa mill-istabbiliment tal-istat Ukren fl-1991. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-UE ffinanzjat iktar minn €1 biljun f’attivitajiet fl-Ukrajna għas-sikurezza nukleari. 

Punt ewlieni ta’ dan l-appoġġ huma l-€423 miljun ikkontribwiti għall-Konfinament Sikur Ġdid, struttura ta’ arkata enormi mqiegħda fuq l-Unità 4 meqruda f’Chernobyl, biex tiġi evitata tnixxija radjuattiva. Wara attakk Russu bid-droni fi Frar 2025, din l-istruttura ġarrbet ħsara kbira u l-Kummissjoni Ewropea ddedikat €37 miljun oħra għar-restawr tal-istruttura biex jerġa’ jkollha funzjonalità sħiħa sal-2030.

Fi sforz ta’ dekummissjonar ulterjuri ta’ Chernobyl, hemm il-Kumpless Industrijali għall-Immaniġġjar tal-Iskart Radjuattiv Solidu (ICSRM) f’Chernobyl, proġett iffinanzjat fil-biċċa l-kbira mill-UE. Dan jgħin biex l-iskart radjuattiv solidu li attwalment jinħażen fis-sit jiġi ttrattat, jiġi kkundizzjonat u jinħażen b’mod sikur.

L-Istrument Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar is-Sikurezza Nukleari (INSC) 2021–2027 huwa l-programm ta’ assistenza esterna tal-UE għas-sikurezza nukleari. Dan jappoġġa l-promozzjoni tal-kultura tas-sikurezza nukleari, l-immaniġġjar sikur tal-iskart radjuattiv u l-implimentazzjoni ta’ salvagwardji nukleari effettivi u effiċjenti.

Il-mod kif nimmaniġġjaw is-sikurezza nukleari u nħejju għall-futur, irid ikun iggwidat mit-tagħlimiet li ħadna mill-passat. L-UE tkompli taħdem b’mod ikkoordinat fil-livell globali, biex tiżgura li dan ikun il-każ.

Għal iktar informazzjoni

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

L-Istrument Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fis-Sikurezza Nukleari

Il-Euratom

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
24 April 2026 (L-aħħar aġġornament: 26 April 2026)
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni