
Il-faqar jolqot lil wieħed minn kull ħames Ewropej, fosthom lil wieħed minn kull erbat itfal, filwaqt li fl-UE madwar miljun ruħ m’għandhomx saqaf fuq rashom. Il-Kummissjoni pproponiet miżuri ġodda maħsubin biex jilqgħu għall-faqar u għall-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, u jingħata sostenn lil dawk li diġà huma affettwati.
L-ewwel strateġija tal-UE kontra l-faqar tistabbilixxi perkors biex tintlaħaq il-mira tal-UE li, sal-2030, tnaqqas l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali b’mill-inqas 15-il miljun, filwaqt li tappoġġa l-għan fit-tul li, sal-2050, jinqered il-faqar. Tiffoka fuq impjiegi ta’ kwalità, aċċess għas-servizzi u għall-appoġġ għall-introjtu, u azzjoni aktar koordinata.
Bħala parti mill-istrateġija, il-Kummissjoni se
- taħdem mas-sħab soċjali biex jiġu appoġġati dawk li jiffaċċjaw ostakli biex isibu impjieg
- tappoġġja lill-persuni akbar fl-età permezz ta’ pensjonijiet adegwati
- tibni koalizzjoni kontra l-faqar flimkien mal-gvernijiet, in-negozji, u s-soċjetà ċivili fil-livelli nazzjonali, reġjonali, u lokali
- tikkonsulta ma’ nies li qed jesperjenzaw il-faqar dwar politiki li jaffettwawhom
Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li ssaħħaħ il-Garanzija Ewropea għat-Tfal, l-għodda ewlenija tal-UE biex tappoġġa lit-tfal fil-bżonn permezz ta’ aċċess għal servizzi bħall-edukazzjoni, l-assistenza fil-qasam tas-saħħa, u l-ikliet fl-iskejjel. L-approċċ il-ġdid jiffoka fuq it-titjib tal-aċċess tal-familji għal impjiegi ta’ kwalità, għas-servizzi tal-indukrar tat-tfal, u għal xbieki ta’ sikurezza sodi, filwaqt li jitwessa’ l-appoġġ għat-tfal permezz tal-mentoraġġ u ta’ servizzi tas-saħħa mentali.
L-akkomodazzjoni hija sfida urġenti oħra. Minħabba li l-prezzijiet tal-akkomodazzjoni għolew b’60% mill-2013 ’l hawn, ir-rakkomandazzjoni proposta dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni tippromwovi soluzzjonijiet fit-tul għall-kriżi Ewropea fil-qasam tal-akkomodazzjoni u tappella għal aktar akkomodazzjoni soċjali u bi prezzijiet raġonevoli.
Flimkien, dawn il-miżuri għandhom l-għan li jsaħħu d-drittijiet soċjali u jgħinu biex tinbena Ewropa aktar ġusta u aktar inklużiva.
Għal iktar informazzjoni
Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal
- Data tal-pubblikazzjoni
- 6 Mejju 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni