Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
20 sena flimkien

20 sena ta’ sħubija fl-UE

Kif dan biddel l-UE

Bit-tkabbir tal-2004, l-UE saret wieħed mill-akbar swieq uniċi fid-dinja. Rajna tkabbir u prosperità. Matul dawn l-aħħar 20 sena, inbnew infrastruttura u konnessjonijiet moderni fuq skala kontinentali fis-27 Stat Membru kollha, bis-saħħa tal-investimenti u l-fondi tal-UE. Is-soċjetà Ewropea bbenefikat minn aktar innovazzjonijiet, investimenti pubbliċi u privati, il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tan-nies, standards ogħla u opportunitajiet akbar.

  • Aktar minn 2.7 miljun
    Għadd ta’ żgħażagħ mill-10 pajjiżi ġodda li pparteċipaw fil-programm Erasmus+ mill-2004 ’l hawn
  • 26 miljun
    Impjiegi ġodda fl-UE
  • 79%
    Perċentwal ta’ ċittadini fl-10 pajjiżi ġodda li jemmnu li pajjiżhom ibbenefika mis-sħubija fl-UE
Aktar opportunitajiet għan-nies u kwalità tal-ħajja mtejba

It-tkabbir ħoloq aktar opportunitajiet għaċ-ċittadini mill-Istati Membri kollha biex jistudjaw u jaħdmu fl-Unjoni Ewropea kollha. Mill-2004 ’l hawn, aktar minn 2.7 miljun persuna mill-10 pajjiżi laqgħu l-opportunità li jitgħallmu u jgħallmu barra minn pajjiżhom. Fl-istess ħin, bis-saħħa tal-programm Erasmus+, aktar minn 600,000 żagħżugħ u żagħżugħa minn pajjiżi oħra tal-UE studjaw fl-universitajiet tagħhom.

Mill-10 Stati Membri li ssieħbu fl-2004, disgħa huma kompletament parti miż-żona Schengen, l-akbar żona ta’ vjaġġar ħieles fid-dinja, li tiggarantixxi vjaġġar bla xkiel u sigur. Qed tkompli l-ħidma biex Ċipru jiġi integrat aktar fiż-żona Schengen filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali tiegħu.

Fl-istess ħin, l-Istati Membri kkooperaw b’mod aktar effettiv biex irażżnu l-kriminalità transfruntiera, megħjuna minn regoli komuni, kooperazzjoni operazzjonali u appoġġ tal-UE. Dan għen fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, il-ħasil tal-flus u l-kriminalità online, pereżempju.

Matul dawn l-aħħar 20 sena, l-Unjoni Ewropea għamlet ukoll passi sinifikanti fuq id-drittijiet soċjali, il-protezzjoni tas-saħħa u ambjentali, il-ġestjoni tal-iskart, id-drittijiet tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti, fost l-oħrajn, u għenet biex tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-ħajja tan-nies.L-10 pajjiżi li ssieħbu fl-2004 mhux biss ibbenefikaw minn dawn l-istandards ogħla iżda għenu wkoll biex isawruhom. Illum, in-natura hija ppreservata aħjar, l-ibliet għandhom arja aktar nadifa u l-privatezza hija protetta fl-Unjoni kollha.

Fatti u ċifri

  • Mill-2004 ’l hawn, aktar minn 2.7 miljun żagħżugħ u żagħżugħa mill-10 Stati Membri pparteċipaw fil-programm Erasmus+.
  • Minn mindu ssieħbu fl-UE, l-10 Stati Membri kollha żiedu r-riċiklaġġ tagħhom tal-iskart muniċipali. Mill-2004 sal-2022, is-Slovakkja, il-Litwanja, is-Slovenja u l-Latvja, fost l-oħrajn, irrapportaw żidiet ta’ aktar minn 40 punt perċentwali fir-rati ta’ riċiklaġġ tagħhom.
  • Fuq 20 sena, l-istennija tal-għomor medja fl-istati tat-tkabbir tal-2004 telgħet minn 75 sena għal 79 sena, u kważi eliminat id-distakk mal-medja tal-UE-27 ta’ 81 sena.
  • Għal dawk li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea 20 sena ilu, is-sodisfazzjon tal-ħajja żdied minn 68% fl-2004 għal 89% fl-2024, skont l-aħħar Ewrobarometru Standard.
Noħolqu t-tkabbir, l-impjiegi u l-prosperità

Matul dawn l-aħħar 20 sena, minkejja t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali, l-ekonomija tal-UE kibret b’27%. Il-pajjiżi li saru parti mill-Unjoni tagħna fl-2004 raw tkabbir ekonomiku sostanzjali. Pereżempju, l-ekonomiji tal-Polonja u ta’ Malta żdiedu b’aktar mid-doppju fid-daqs. Is-Slovakkja kibret bi 80%. L-ekonomiji tal-Istati Membri l-ġodda kollha qed jikkonverġu b’mod kostanti mal-medja tal-UE-27.

Il-pajjiżi li kienu diġà membri fiż-żmien tat-tkabbir tal-2004 esperjenzaw ukoll tkabbir u prosperità. L-esportazzjonijiet Spanjoli lejn l-10 pajjiżi rduppjaw matul dawn l-aħħar 20 sena. Il-kummerċ Taljan fl-oġġetti ma’ dawn il-pajjiżi żdied b’77% minn dak iż-żmien ’l hawn. Ir-rabtiet kummerċjali bejn il-Litwanja u l-Iżvezja kibru wkoll b’mod sinifikanti. F’inqas minn għoxrin sena, il-fluss intern tal-merkanzija fl-UE żdied b’aktar minn 40%.

U n-nies raw dan it-tkabbir f’ħajjithom. Il-pagi reali rduppjaw mill-2004 sal-2023 fl-10 stati. U l-livelli tal-faqar naqsu bin-nofs. Mis-26 miljun impjieg ġdid li tfaċċaw fl-UE kollha f’dawn l-aħħar 20 sena, inħolqu 6 miljuni fl-10 Stati Membri l-ġodda tal-UE.

Fatti u ċifri

  • L-ekonomiji tal-10 Stati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 gawdew minn tkabbir ekonomiku sostnut: l-Estonja rat rata medja ta’ tkabbir annwali tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) ta’ aktar minn 8%, filwaqt li l-Polonja, is-Slovakkja, Malta u l-Latvja żdiedu b’medja ta’ aktar minn 7%.
  • Il-PDG per capita medju tal-10 Stati Membri kiber minn 59% tal-medja tal-UE-27 fl-2004 għal 81% fl-2022.
  • Il-livelli tal-faqar u l-esklużjoni soċjali naqsu b’mod sinifikanti f’dawn l-Istati Membri, minn 37% fl-2005 għal 17% fl-2020. L-għadd ta’ tfal f’riskju ta’ faqar naqas minn 41% għal 17% fl-istess perjodu.
  • Is-sehem ta’ persuni ta’ bejn 25 u 34 sena b’edukazzjoni terzjarja żdied bi kważi 20 punt perċentwali fl-10 Stat Membru sa mill-adeżjoni.
  • Sebgħa minn dawn l-10 Stati Membri adottaw l-euro. Is-Slovenja kienet l-ewwel waħda li adottatha fl-2007, filwaqt li l-Litwanja adottatha fl-2015. Dan ippermetta li aktar negozji u ċittadini jgawdu l-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku mingħajr riskji tar-rata tal-kambju.
Spinta lill-kompetittività tal-industriji u tas-setturi importanti Ewropej

Min-negozju Pollakk tal-elettronika sas-settur Ġermaniż tal-manifattura tal-karozzi, l-industrija kibret minħabba l-ekonomiji ta’ skala offruti minn suq uniku mkabbar. L-industrija Ewropea kisbet aċċess akbar għal inputs ewlenin bħall-materja prima kritika. Il-kumpaniji issa jistgħu faċilment jiksbu r-ram f’Ċipru, il-kobalt fiċ-Ċekja, il-materjali tal-art rari fil-Litwanja u n-nikil fis-Slovakkja.

Sħubija usa’ fl-UE ħolqot ukoll opportunitajiet għall-bejgħ f’suq akbar għall-prodotti agroalimentari, li joffri liċ-ċittadini għażla akbar ta’ prodotti ta’ kwalità. L-10 Stati Membri l-ġodda saħħew id-diversità agrikola tal-UE, bi tradizzjonijiet tal-biedja, għelejjel, bhejjem u prodotti ta’ kwalità għolja differenti. Il-valur tal-produzzjoni agrikola f’dawn il-pajjiżi ttripla matul l-aħħar żewġ deċennji, u qabeż €68 biljun.

Fatti u ċifri

  • L-aċċess għal suq uniku akbar kien ta’ benefiċċju għall-industriji Ewropej. Bejn l-2004 u l-2022, is-Slovakkja rduppjat il-produzzjoni tagħha tal-metalli bażiċi, filwaqt li ċ-Ċekja aktar milli rduppjat il-produzzjoni tagħha ta’ prodotti tal-karta.
  • Permezz tal-Politika Agrikola Komuni, l-UE għenet biex timmodernizza l-industriji agrikoli u tal-ikel fl-10 Stati Membri.
  • L-Ewropej jistgħu jgawdu minn aktar ikel u prodotti agrikoli ta’ kwalità għolja mill-Unjoni. Mill-inbid Għawdxi sal-kaboċċa ffermentata Slovakka, mill-10 pajjiżi żdiedu aktar minn 280 prodott mal-lista tal-UE ta’ prodotti b’denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti.
Ninvestu fl-Unjoni tagħna

Matul dawn l-aħħar 20 sena, l-UE investiet b’mod sostanzjali fl-infrastruttura biex l-Ewropa ssir post aħjar fejn wieħed jgħix u jaħdem - mill-awtostradi sal-pipelines, it-trasport pubbliku, il-konnettività, iċ-ċentri tad-data u l-infrastruttura transfruntiera.

Il-konnessjonijiet tat-trasport tal-Ewropa ġew estiżi u mtejba, u jgħaqqdu l-partijiet kollha tal-kontinent. Pereżempju, is-Slovenja issa għandha network ferrovjarju elettrifikat estiż, filwaqt li l-investimenti tal-UE kkontribwew ukoll għall-iżvilupp ta’ linji tal-metro fl-Ungerija. Hemm ħafna aktar proġetti ppjanati - Rail Baltica, pereżempju, se tgħaqqad l-istati Baltiċi mal-bqija tal-Ewropa, u se ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-Finlandja u pajjiżi oħra fl-UE.

Is-suq tal-enerġija integrat tagħna - bi grilji tal-elettriku interkonnessi bejn Malta u l-Italja, u l-konnessjonijiet tal-gass li jgħaqqdu d-Danimarka u l-Polonja, pereżempju - għenuna negħlbu l-kriżijiet, pereżempju meta r-Russja waqqfet il-provvisti tal-gass. Il-pajjiżi tal-UE ħadmu flimkien biex jiksbu provvisti tal-enerġija aktar siguri u sostenibbli, filwaqt li xprunaw it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u naqqsu d-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili Russi.

B’investimenti sostanzjali tal-UE, il-kopertura tan-networks tal-broadband b’veloċità għolja u l-aċċess għall-internet żdiedu fl-UE kollha. Pijunieri diġitali bħall-Estonja qed jikkontribwixxu biex jiġu attwati servizzi tal-gvern elettroniku innovattivi. Fil-partijiet kollha tal-Ewropa, miljuni ta’ nies kisbu aċċess għan-network 5G. Barra minn hekk, iċ-ċittadini kollha tal-UE bbenefikaw mit-tneħħija tat-tariffi tar-roaming bil-mobile, u b’hekk evitaw spejjeż żejda għal telefonati jew smses li jsiru waqt l-ivvjaġġar fis-27 Stat Membru kollha. U l-investiment tal-UE qed jgħin biex ikomplu jittejbu l-konnettività u r-reżiljenza tan-network - pereżempju, permezz tar-rotta l-ġdida tal-fibra ottika li tgħaqqad l-Iżvezja u l-Finlandja mal-pajjiżi Baltiċi.

Illum, qed inkomplu nieħdu l-affarijiet aktar ’il quddiem bin-NextGenerationEU. B’valur ta’ aktar minn €800 biljun, dan qed jiffinanzja mijiet ta’ proġetti, minn parks eoliċi lil hinn mill-kosta sa ferroviji elettriċi, minn servizzi diġitali tal-ogħla livell sa ċentri mediċi ta’ klassi dinjija, u qed joħloq impjiegi ta’ kwalità - fis-27 Stati Membri kollha.

U hekk kif l-ambjent strateġiku madwarna qed ikompli jinbidel u l-Ewropa jeħtieġ li tagħmel aktar dwar id-difiża, l-Istati Membri kollha qed jieħdu sehem fl-isforz - mir-riċerka Estonjana dwar id-difiża sal-iżvilupp Żvediż tal-inġenji tal-ajru u l-produzzjoni Pollakka tal-munizzjon.

Fatti u ċifri

  • Bl-appoġġ tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, in-network tat-trasport tal-Ewropa ġie ttrasformat u mkabbar. It-tul tal-awtostradi ttripla fil-Polonja, fl-Ungerija u fis-Slovakkja f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Mill-2004, in-network ferrovjarju tal-Litwanja kiber b’200 kilometru.
  • F’dawn l-aħħar 20 sena, l-UE rnexxielha ttejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-ekonomija tagħha. B’mod ġenerali, l-UE naqqset l-intensità enerġetika tal-ekonomija tagħha bi kważi 33%. L-10 Stati Membri l-ġodda marru saħansitra aħjar, u naqqsu l-intensità enerġetika tal-ekonomiji tagħhom b’aktar minn 40%.
Navvanzaw l-innovazzjoni u r-riċerka

F’dawn l-aħħar 20 sena, l-Unjoni Ewropea rreġistrat bosta suċċessi fir-riċerka u l-innovazzjonijiet kreattivi - pereżempju fil-prevenzjoni tal-mard u t-trattament tal-kanċer. Ħafna minn dawn seħħew fl-10 pajjiżi l-ġodda tal-UE jew kienu r-riżultat ta’ kooperazzjoni bejn riċerkaturi minn Stati Membri antiki u dawk ġodda, bl-appoġġ finanzjarju tal-UE.

Xjenzati Ungeriżi u Franċiżi għamlu riċerka avvanzata dwar il-materja, u rċevew Premju Nobel fil-Fiżika għall-ħidma tagħhom. Pereżempju, mil-Latvja sa Spanja, l-akkademiċi ħadmu aktar mill-qrib biex isaħħu l-għarfien tagħna dwar il-ġenomi.

Fatti u ċifri

  • Iċ-Ċekja, l-Ungerija, l-Italja, il-Ġermanja u oħrajn qed jikkooperaw biex jibnu l-akbar infrastruttura u l-aktar avvanzata tal-laser b’potenza għolja fid-dinja.
Ningħaqdu f’solidarjetà

Mill-għargħar san-nirien fil-foresti, mit-terremoti sal-emerġenzi mediċi, is-27 Stat Membru taw assistenza vitali lil xulxin meta ntlaqtu minn diżastri.

Il-pajjiżi kollha tal-UE għaddew l-appoġġ mal-kontinent kollu u lil hinn permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili matul l-aħħar 20 sena. L-eżempji huma ħafna. Ħames Stati Membri pprovdew assistenza mill-aktar fis lill-Ungerija wara l-għargħar għal għarrieda fl-2010. Fis-sajf tal-2022, ħaddiema tat-tifi tan-nar Awstrijaċi għenu lis-Slovenja meta l-pajjiż iffaċċja nirien devastanti fil-foresti. Is-sena li għaddiet, ħaddiema tat-tifi tan-nar mis-Slovakkja taw l-għajnuna lill-Greċja meta din kienet qiegħda tikkonfronta nirien storiċi fil-foresti.

Mill-ewwel jum tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Istati Membri tal-UE ħadmu flimkien biex jagħtu appoġġ lill-poplu Ukren. Ċentri loġistiċi fil-Polonja u fis-Slovakkja, kif ukoll fir-Rumanija, għenu biex l-għajnuna tiġi diretta mill-Unjoni kollha. L-UE tat protezzjoni temporanja lil aktar minn 4.1 miljun refuġjat Ukren, bi kważi 1.7 miljun minnhom ospitati mill-Istati Membri li ssieħbu fl-2004.

Fatti u ċifri

  • L-Istati Membri tal-UE ħadmu flimkien biex jimmobilizzaw l-għajnuna ta’ emerġenza għal pajjiżi oħra u għal xulxin, u wieġbu għal aktar minn 700 talba għall-assistenza li saru permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili mill-2004.
  • Il-ħażniet ta’ oġġetti mediċi tar-rescEU li jinsabu fl-Ungerija, fil-Polonja, fil-Litwanja u fis-Slovenja, kif ukoll ajruplani tat-tifi tan-nar ippożizzjonati minn qabel f’Ċipru u ħelikopters fiċ-Ċekja, ippermettew lill-UE tgħaddi l-appoġġ malajr lejn is-27 Stat Membru kollha.
  • Il-Polonja qed tospita ċ-ċentru ta’ evakwazzjoni medika tal-UE għall-pazjenti Ukreni li jeħtieġu trattament urġenti. Sal-lum, aktar minn 3,200 persuna ġew trasferiti biex jirċievu kura tas-saħħa speċjalizzata fi sptarijiet fl-Ewropa kollha. 
  • Ċipru jinsab fuq quddiem nett tal-kuritur marittimu li jgħaddi l-għajnuna umanitarja lill-poplu Palestinjan.
Insaħħu r-rwol tal-Ewropa fid-dinja

Matul dawn l-aħħar 20 sena, il-vuċi tal-Ewropa fix-xena dinjija saret aktar b’saħħitha - kemm biex timmobilizza lid-dinja biex tieħu azzjoni dwar it-tibdil fil-klima kif ukoll biex tiġġieled il-pandemija, jew biex tippromwovi d-demokrazija.

Iż-żieda ta’ 10 Stati Membri ġodda tat spinta lis-setgħa ekonomika tagħna globalment. Suq uniku akbar għamel lill-UE sieħeb kummerċjali saħansitra aktar attraenti, li jippermettilna noħolqu opportunitajiet ġodda barra mill-pajjiż. Mill-2004, il-kummerċ internazzjonali globali tagħna kiber bi €3 triljun - u laħaq €5 triljun fl-2023.   

Unjoni akbar tejbet ukoll ir-rwol tal-Ewropa bħala donatur umanitarju ewlieni. L-appoġġ umanitarju Ewropew, kemm fl-Ukrajna, f’Gaża jew fis-Sudan, jitwettaq minn ħaddiema umanitarji mill-UE kollha, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi Pollakki, sħab umanitarji Ċeki u ħaddiema umanitarji Ċiprijotti, fost l-oħrajn. 

It-tkabbir ippromwova l-prosperità, saħħaħ id-demokrazija u żgura l-istabbiltà fl-Unjoni kollha. U b’27 Stat Membru, l-UE saret attur ġeopolitiku aktar b’saħħtu.

 

Stejjer ta’ suċċess

20 sena flimkien

Avvenimenti li jiċċelebraw l-20 anniversarju

Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea fil-pajjiżi tal-UE qed jospitaw bosta avvenimenti biex ifakkru l-għoxrin anniversarju tat-tkabbir tal-2004. Skoprihom u ikseb aktar informazzjoni dwar kif tieħu sehem.

Wirjiet

Buďte přitom, až budeme 27. dubna na Trojmezí u Hrádku nad Nisou slavit Den Evropy!
Připomeneme si 20. výročí vstupu Česka, Polska a dalších osmi zemí do EU dne 1. května 2004 a samozřejmě i blížící se evropské volby, které se konají 7. a 8. června.

Dibattiti pubbliċi

Aký bol slovenský príbeh ostatných dvadsiatich rokov? Ako ho vidia tí, ktorí stáli pri jeho zrode a kto ho píše dnes? Ako sa na tento príbeh pozerá mladá generácia?

Jiem ta’ informazzjoni

Par godu Latvijas divdesmitgadei Eiropas Savienībā 1. maijā četrās Latvijas pilsētās – Rīgā, Rēzeknē, Cēsīs un Liepājā – Eiropas karoga krāsās iemirdzēsies svētku instalācijas.

Jiem ta’ informazzjoni

Przedstawicielstwa Komisji Europejskiej i Biura Parlamentu Europejskiego w Polsce i Czechach wraz z partnerami zapraszają 1 maja do Cieszyna na wspólne świętowanie 20-lecia obu krajów w Unii Europejskiej. 

Jiem ta’ informazzjoni

1. maijā plkst. 15.30 no Doma laukuma līdz Brīvības piemineklim Rīgā norisināsies zibakcija #MēsEsamEiropa, kurā jebkurš interesents varēs piedalīties gājienā cauri Vecrīgai ar lielformāta Latvijas un Eiropas Savienības karogiem.

20 sena flimkien: ċelebrazzjonijiet

Riżorsi

Id-data użata fil-kampanja “20 snin flimkien” hija bbażata fuq l-istatistika tal-Eurostat kif ukoll fuq sorsi oħra ta’ informazzjoni uffiċjali u soġġetta għal aġġornamenti. L-istħarriġiet kollha msemmija meħudin mill-Ewrobarometru.

Din il-paġna ġiet rieżaminata l-aħħar: 18 Frar 2025