Mur għall-kontenut ewlieni

Ir-Rapport dwar l-Istat tad-dritt tal-2022

Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2022 jimmonitorja żviluppi sinifikanti marbuta mal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha.

Komunikazzjoni u kapitoli tal-pajjiżi

Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2022, inklużi s-27 kapitolu tal-pajjiżi tiegħu, jeżamina l-iżviluppi fl-Istati Membri kollha, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, f’4 oqsma ewlenin għall-istat tad-dritt: is-sistema ġudizzjarja, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu tal-media u kwistjonijiet istituzzjonali oħrajn relatati mas-sistema ta’ kontrokontrolli. Fl-analiżi ta’ dawn l-oqsma, il-Kummissjoni kompliet tapprofondixxi l-valutazzjoni u s-segwitu tagħha tal-isfidi u l-iżviluppi identifikati fiż-żewġ rapporti preċedenti.

Għall-ewwel darba, ir-rapport ikopri wkoll xi suġġetti ġodda li tfaċċaw bħala rilevanti biex ikun żgurat l-istat tad-dritt, bħall-media tas-servizz pubbliku, u ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Iż-żidiet ta’ dawn is-suġġetti jikkorrispondu wkoll għal talbiet mill-Parlament Ewropew u mill-partijiet ikkonċernati.

Il-kapitoli tal-pajjiżi, li jiddependu fuq valutazzjoni kwalitattiva mwettqa mill-Kummissjoni, janalizzaw żviluppi ġodda mir-rapport preċendenti u s-segwitu għall-isfidi u l-iżviluppi identifikati fl-edizzjoni tal-2021.

Ir-Rapport huwa parti minn sforzi usa’ tal-UE biex tippromwovi u tiddefendi l-valuri tagħha. Din il-ħidma tinkludi l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea u l-Istrateġija mġedda għall-Implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll strateġiji mmirati biex isir progress lejn Unjoni ta’ Ugwaljanza. Aspett relatat ieħor huwa l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali skont il-Karta, inkluż permezz tal-użu ta’ proċedimenti ta’ ksur.

Minn din is-sena, ir-Rapport jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Istati Membri kollha. B’mod konformi man-natura preventiva tar-Rapport, l-objettiv tar-rakkomandazzjonijiet huwa li jassisti lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom li jipprogressaw bir-riformi, jinkoraġġixxu żviluppi pożittivi u jidentifikaw fejn jista’ jkun meħtieġ titjib jew segwitu għal bidliet jew riformi reċenti, fuq il-bażi ta’ djalogu kontinwu magħhom.

Il-Kummissjoni ħejjiet dan ir-rapport fuq il-bażi ta’ djalogu kontinwu mal-Istati Membri, filwaqt li ppreservat bis-sħiħ ir-responsabbiltà politika għall-valutazzjoni tagħha u għar-rakkomandazzjonijiet maħruġin. L-edizzjoni li jmiss se tagħti segwitu għall-iżviluppi u se tivvaluta l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

2022 Rule of law report - Communication and country chapters

Metodoloġija

Il-valutazzjoni li tinsab fis-27 kapitolu tal-pajjiżi tħejjiet f’konformità mal-metodoloġija kif aġġornata fl-2022, wara diskussjoni mal-Istati Membri, bil-ħsieb ukoll li tiġi riflessa l-inklużjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-Rapport. Il-kapitoli tal-pajjiżi m’għandhomx l-għan li jagħtu deskrizzjoni eżawrjenti tal-kwistjonijiet kollha tal-istat tad-dritt f’kull Stat Membru, iżda li jippreżentaw żviluppi sinifikanti. Il-valutazzjoni tirreferi għar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni, inklużi dawk li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-QĠUE. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa jipprovdu qafas utli ta’ referenza għall-istandards rilevanti u l-aħjar prattiki.

Ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u jiddependi fuq varjetà ta’ sorsi. L-Istati Membri ġew mistiedna jipprovdu kontributi bil-miktub u jissieħbu fi żjarat apposta fil-pajjiżi li saru bejn Frar u April. Għal dawn iż-żjarat fil-pajjiżi, il-Kummissjoni organizzat aktar minn 500 laqgħa online mal-awtoritajiet nazzjonali, il-korpi indipendenti u l-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati pprovdiet ukoll kontributi siewja orizzontali u speċifiċi għall-pajjiż. Il-Kunsill tal-Ewropa pprovda wkoll ħarsa ġenerali tal-opinjonijiet u r-rapporti reċenti tiegħu dwar l-Istati Membri tal-UE. Qabel l-adozzjoni tar-rapport, l-Istati Membri ngħataw l-opportunità li jipprovdu aġġornamenti fattwali dwar il-kapitolu tal-pajjiż tagħhom.

In-network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-istat tad-dritt stabbilit fl-2020 biex jgħin fl-istabbiliment tal-mekkaniżmu, kompla jiffunzjona bħala mezz kontinwu ta’ komunikazzjoni mal-Istati Membri għat-tħejjija tar-Rapport kif ukoll biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki.

2022 Rule of law report - methodology

Input mill-Istati Membri

L-Istati Membri kollha ġew mistiedna jipprovdu informazzjoni dwar żviluppi sinifikanti, primarjament mill-adozzjoni tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2021, abbażi ta’ kwestjonarju aġġornat, diskuss mal-Istati Membri. L-input kien strutturat madwar l-erba’ pilastri koperti mir-Rapport - is-sistema ġudizzjarja, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu tal-media, u kwistjonijiet istituzzjonali oħra relatati mas-sistema ta’ kontrokontrolli - u ġie pprovdut f’mudell maqbul. L-input bil-miktub mill-Istati Membri ġie ssupplimentat bi skambji matul iż-żjarat fil-pajjiżi u b’informazzjoni li waslet mingħand il-partijiet ikkonċernati.

2022 Rule of Law report - input from Member States

Konsultazzjoni mmirata għall-partijiet ikkonċernati

Bħala parti mit-tħejjija tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2022, il-Kummissjoni Ewropea stiednet lill-partijiet ikkonċernati biex jipprovdu kontributi bil-miktub permezz ta’ konsultazzjoni mmirata għall-partijiet ikkonċernati li nfetħet mill-1 ta’ Diċembru 2021 sal-24 ta’ Jannar 2022. Il-konsultazzjoni pprovdiet aktar minn 220 kontributi orizzontali u speċifika għall-pajjiż minn varjetà ta’ aġenziji tal-UE, networks Ewropej, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nazzjonali u Ewropej u assoċjazzjonijiet professjonali u atturi internazzjonali u Ewropej. L-informazzjoni miksuba minn din il-konsultazzjoni kkontribwixxiet għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni b’sejbiet fattwali dwar l-iżviluppi fl-Istati Membri.

2022 Rule of law report - targeted stakeholder consultation

Documents

13 LULJU 2022
2022 Rule of law report - methodology

13 LULJU 2022
EU’s rule of law toolbox - factsheet

13 LULJU 2022
The European rule of law mechanism - factsheet