Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Access City Award (ACA) (Premju għall-Bliet Aċċessibbli)

Mill-2010, l-Access City Award jirrikonoxxi l-bliet madwar l-UE għall-isforzi eċċellenti tagħhom biex jagħmlu l-ħajja urbana aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, f’kollaborazzjoni mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità

Aerial view of the city of Zaragoza (Spain), with the cathedral's dome in the foreground. Access City Award 2027 written and the hashtag  #EUAccessCity

Dwar l-Access City Award

Il-bliet huma atturi ewlenin biex jiżguraw li l-ħajja urbana tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, sabiex ikunu jistgħu jmexxu ħajjithom, jgħixu b’mod indipendenti u jipparteċipaw bis-sħiħ fil-komunità.

Belt tkun aċċessibbli meta l-persuni b’diżabilità jistgħu, pereżempju:

  • iduru fit-toroq u jgawdu żoni pubbliċi, bħal parks u żoni ta’ rikreazzjoni bħall-bandli.
  • jidħlu f’bini pubbliku bħal sptarijiet, swali muniċipali, libreriji, u swali tal-isports.
  • jużaw il-karozza tal-linja, it-tramm u l-metro biex imorru x-xogħol jew jiltaqgħu mal-ħbieb.
  • jikkomunikaw mal-amministrazzjoni lokali wiċċ imb wiċċ, bit-telefown jew online.
  • jiksbu informazzjoni b’modi li jistgħu jaqraw u jifhmu.

Access City Award 2027

Din jinstema’ bħall-belt tiegħek? Mela applika għall-edizzjoni tal-Access City Award 2027 sal-4 ta’ Settembru 2026 12: 00 PM CEST (nofsinhar)!

Applika issa

Il-bliet finalisti se jiġu mistiedna għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fl-4 ta’ Diċembru 2026 fi Brussell, matul il-konferenza tal-Jum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità.

Ir-rebbieħa u l-finalisti se jirċievu premju monetarju ta’ € 150 000 (l-ewwel post), € 120 000 (it-tieni post), u € 80 000 (it-tielet post).

Jistgħu jingħataw ukoll Rakkomandazzjonijiet Speċjali lil bliet li juru kisbiet eċċezzjonali ta’ aċċessibilità f’oqsma speċifiċi jew permezz ta’ inizjattivi innovattivi.

Kif napplika?

  1. Imla l-formola online fuq https://access-city-award.ec.europa.eu/ bl-għajnuna tan-Nota ta’ Gwida u r-Regoli tal-konkors
  2. Tella' dokumenti ta' sostenn
    1. Dikjarazzjoni tas-Sindku
    2. Dikjarazzjoni fuq l-unur
    3. Formola tal-entità legali
    4. Formola ta’ identifikazzjoni finanzjarja
    5. (fakultattiva) Preżentazzjoni bil-Power Point ta’ 10-slides biex tenfasizza l-aspetti ewlenin tal-applikazzjoni tiegħek

Access City Award 2027 — Dokumenti tal-Konkors

Min jista’ japplika?

L-Access City Award huwa miftuħ għal dawn li ġejjin:

  • il-bliet kollha tal-UE ta’ aktar minn 50,000 abitant
  • iż-żoni urbani magħmulin minn żewġt ibliet jew aktar b’popolazzjoni kkombinata ta’ aktar minn 50,000 abitant, jekk jinsabu f’pajjiżi tal-UE li għandhom anqas minn żewġt ibelt b’aktar minn 50,000 abitant.

Premjijiet

Ir-rebbieħa u l-finalisti se jirċievu premju monetarju ta’:

  • L-ewwel post: € 150,000
  • It-tieni post: € 120,000
  • It-tielet post: € 80,000

Apprezzamenti Speċjali

Bħala parti mill-isforzi usa’ tagħha biex tiżgura li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu b’dinjità u jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija tal-bliet, il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tagħti Apprezzamenti Speċjali għal “Servizzi Aċċessibbli Bbażati fil-Komunità” fl-edizzjoni tal-2027.

Dan il-premju se jingħata lil belt li tappoġġa l-għajxien indipendenti u t-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal għajxien ibbażat fil-komunità permezz ta’ servizzi aċċessibbli u pprovduti lokalment li jappoġġaw lill-persuni b’diżabilità fl-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum li jżommuhom milli jgħixu f’istituzzjonijiet, segregati mill-ħajja tal-belt.

Jistgħu jingħataw Apprezzamenti Speċjali oħra lil bliet li juru kisbiet eċċezzjonali ta’ aċċessibilità f’oqsma speċifiċi (pereżempju, dwar servizzi pubbliċi jew komunikazzjonijiet aċċessibbli), jew inizjattivi innovattivi (pereżempju, dwar soluzzjonijiet ta’ bliet intelliġenti, aċċess għall-wirt kulturali, jew aċċessibilità għal persuni b’diżabilità intellettwali).

Proċess ta’ evalwazzjoni u għoti

Il-proċess tal-għażla huma maqsum f’żewġ fażijiet: għażla minn qabel fil-livell nazzjonali u l-għażla finali fil-livell Ewropew.

Il-ġuriji nazzjonali f’kull pajjiż jelenkaw massimu ta’ żewġ ibliet. Mill-kandidati preselezzjonati, il-Ġurija Ewropea tagħżel ir-rebbieħa.

Il-ġuriji se jqisu l-miżuri ta’ aċċessibilità meħuda u ppjanati fl-oqsma li ġejjin:

  • l-ambjent mibni u l-ispazji pubbliċi
  • it-trasport u l-infrastruttura relatata
  • l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inklużi t-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni
  • il-faċilitajiet u s-servizzi pubbliċi
  • servizzi aċċessibbli bbażati fil-komunità — li għandhom jiġu vvalutati biss biex tingħata d-Dispożizzjoni Speċjali għal Servizzi Aċċessibbli Bbażati fil-Komunità

Skeda

  1. 18 ta’ Ġunju 2026
    Tnedija tal-kompetizzjoni
  2. 4 ta’ Settembru 2026 12:00 nofsinhar
    Skadenza tal-applikazzjoni
  3. Settembru 2026
    Evalwazzjoni mill-Ġuriji Nazzjonali
  4. Ottubru 2026
    Evalwazzjoni mill-Ġuriji Nazzjonali
  5. Novembru 2026
    Tħabbir tal-finalisti
  6. 4 ta' Diċembru 2026
    Tħabbir tar-rebbieħa fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet, matul il-Konferenza tal-Jum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità

Ispira ruħek mir-rebbieħa preċedenti

Ir-rebbieħa tal-Access City Award 2026

Iltaqa’ mal-bliet li qed imexxu l-aċċessibilità fl-UE!

Zaragoza (Spanja) — ir-rebbieħ tal-ewwel premju

Valenzja (Spanja) — ir-rebbieħ tat-tieni premju

Rennes (Franza) — ir-rebbieħ tat-tielet premju

Salzburg (l-Awstrija), Piacenza (l-Italja), Valenzja (Spanja) — Apprezzamenti Speċjali dwar akkomodazzjoni aċċessibbli, teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u tħejjija għal emerġenza.

Network tal-Access City Award

In-Network tal-Access City Award huwa magħmul minn bliet tal-UE li qabel kienu ngħataw il-premju Access City Award.

Dawk il-bliet urew li huma minn ta’ quddiem fl-aċċessibilità tal-ħajja urbana. Aħna ngħaqqduhom flimkien biex jiġi stimulat it-tagħlim reċiproku, il-kondiviżjoni tal-għarfien ma’ bliet oħra li mhumiex daqstant avvanzati fl-isforzi ta’ aċċessibilità tagħhom, u titjieb il-kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tad-diżabilità. Uħud mill-azzjonijiet tagħhom huma:

  • Laqgħa annwali fiż-żmien taċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet, waqt il-Konferenza tal-Jum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità.
  • Diskussjonijiet madwar mejda mal-Kummissjoni Ewropea, bħal dik organizzata biex jiġi ċċelebrat il-15-il anniversarju tal-premju.
  • Żjarat ta’ studju fi bliet rebbieħa oħra tal-ACA, bħal dawk ospitati minn Lyon (Franza) u Breda (in-Netherlands).
  • Laqgħat nazzjonali ma’ bliet oħra ppremjati, bħal dik ospitata minn Córdoba (Spanja).
  • Seminars dwar l-aċċessibilità, bl-appoġġ ta’ AccessibleEU u ta’ networks ta’ bliet oħra.
  • Kollaborazzjoni ma’ & appoġġ għal bliet oħra dwar l-aċċessibilità.

L-aħjar prattiki ta’ aċċessibilità

Kull edizzjoni niġbru l-aħjar prattiki ta’ aċċessibilità li wasslu biex il-bliet rebbieħa jispikkaw fl-edizzjonijiet tagħhom. Iċċekkja l-ibliet rebbieħa tal-aħħar edizzjoni.

Ir-rebbieħa tal-Access City Award 2026

Bulettin

Żomm ruħek infurmat dwar l-Access City Award u għinna nxerrdu l-kelma fuq il-media soċjali bil-hashtag #EUAccessCity.

Abbona issa

Għaliex Access City Award?

Hawn aktar minn 90 miljun persuna b’diżabilità fl-UE. L-iżgurar tal-aċċess għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom huwa prijorità, f’konformità mal-Istrateġija Msaħħa dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità sal-2030 u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Barra minn hekk, l-Ewropa issa hi essenzjalment soċjetà urbana, b’sebgħa minn kull għaxar ċittadini tal-UE jgħixu fl-ibliet. Dan il-premju jibqa’ eżempju ewlieni tal-Kummissjoni li taħdem id f’id ma’ livelli oħra tal-gvern biex dan l-impenn mal-persuni b’diżabilità isir realtà fl-UE kollha kemm hi.

L-Access City Award huwa inizjattiva tal-UE li

  • jirrikonoxxi l-isforzi tal-bliet biex isiru aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.
  • jippromwovi aċċess ugwali għall-ħajja urbana għall-persuni b’diżabilità.
  • jippermetti lill-awtoritajiet lokali jippromwovu u jaqsmu l-aħjar prattiki tagħhom.

Matul dawn l-aħħar 16-il sena, ingħataw premjijiet lil 77 belt, inklużi 16-il rebbieħ fosthom li ġew fl-ewwel post. L-ewwel premju prestiġjuż fl-edizzjoni tas-sena l-oħra tal-Access City Award ingħata lil Zaragoza (Spanja).

Ikkuntattjana

Għal mistoqsijiet relatati mal-Access City Award, jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq: EMPL-EDPD-ACAatec [dot] europa [dot] eu (JUST-EDPD-ACA[at]ec[dot]europa[dot]eu).

Avvenimenti relatati