
Il-Kummissjoni qed iżżid l-appoġġ tagħha għall-istart-ups u għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ewropej sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw intelliġenza artifiċjali (IA) affidabbli li tirrispetta l-valuri u r-regoli tal-UE.
Il-pakkett il-ġdid tal-IA jinkludi firxa wiesgħa ta’ miżuri li jappoġġjaw lil dawn in-negozji ġodda u l-innovazzjoni, flimkien ma’ proposta biex jiġi pprovdut aċċess privileġġat għas-supercomputers lill-istart-ups tal-IA u lill-komunità usa’ tal-innovazzjoni. Miżuri oħra jinkludu:
- l-istabbiliment ta’ Fabbriki tal-IA u l-iżgurar li l-infrastruttura tas-supercomputers tal-IA disponibbli għall-istart-ups tkun tista’ tinxtara u tiġi aġġornata
- deċiżjoni biex jiġi stabbilit Uffiċċju tal-IA fil-Kummissjoni li jista’ jiżviluppa u jikkoordina l-politika dwar l-IA fil-livell Ewropew u jissorvelja l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Att dwar l-IA
- Komunikazzjoni tal-UE dwar l-Istart-Ups u l-Innovazzjoni tal-IA li tiddeskrivi l-attivitajiet ewlenin bħall-appoġġ finanzjarju u tal-ekwità, l-Ispazji Komuni Ewropej tad-Data u inizjattivi oħra.
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll żewġ Konsorzji Ewropej għall-Infrastruttura Diġitali, flimkien ma’ diversi Stati Membri. Dawn il-gruppi se jiżviluppaw infrastruttura Ewropea komuni fit-teknoloġiji tal-lingwa u fl-għodod tal-IA tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku biex jgħinu lill-bliet jottimizzaw il-proċessi, mit-traffiku għall-immaniġġjar tal-iskart.
Għal snin sħaħ, il-Kummissjoni ffaċilitat u tejbet il-kooperazzjoni fil-qasam tal-intelliġenza artfli fl-UE kollha biex tixpruna l-kompetittività tagħha u tiżgura fiduċja abbażi tal-valuri tal-UE. L-Att tal-UE dwar l-IA maqbul f’Diċembru 2023 hu l-ewwel liġi komprensiva tad-dinja dwar l-intelliġenza artifiċjali u li se jkun ta’ sostenn għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-adozzjoni ta’ IA affidabbli fl-UE.
Għal iktar informazzjoni
Eċċellenza u fiduċja fl-intelliġenza artifiċjali
L-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew
- Data tal-pubblikazzjoni
- 24 Jannar 2024
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Aħbarijiet relatati
Fit-2 ta’ Awwissu 2026, jidħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar it-trasparenza tas-sistemi tal-IA. Dawn se jgħinu lin-nies jagħrfu meta jkunu qed jinteraġixxu mal-IA jew meta jkunu esposti għal kontenut iġġenerat mill-IA, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jipproteġu lilhom infushom aħjar mill-miżinformazzjoni jew mill-qerq.
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan biex tindirizza r-riskji u tisfrutta l-opportunitajiet tal-intelliġenza artifiċjali (IA) avvanzata fiċ-ċibersigurtà.
In a world marked by uncertainty, the EU kept its course on what really matters. Discover 10 EU takeaways from 2025.
Il-Kummissjoni llum ippreżentat sett ġdid ta’ regoli li għandhom jippermettu lin-negozji tal-Ewropa jiffrankaw il-ħin fuq ix-xogħol amministrattiv u l-konformità u jqattgħu aktar ħin fuq l-innovazzjoni u l-espansjoni.