
Stħarriġ ġdid madwar l-UE kollha jikkonferma l-impatt sinifikanti tal-ħin eċċessiv quddiem l-iskrin u tal-media soċjali fuq is-saħħa mentali u fiżika taż-żgħażagħ. Il-pubblikazzjoni tal-istħarriġ taħbat mal-laqgħa finali tal-bord speċjali dwar is-sikurezza tat-tfal online. Il-bord ta parir lill-President tal-Kummissjoni Ewropea dwar kif tista’ tissaħħaħ aktar il-protezzjoni tal-minorenni online. Huma ddiskutew it-tagħlimiet meħuda, il-prattiki tajbin, u suġġetti ewlenin bħall-għoti tas-setgħa lill-indokraturi biex jiżguraw il-benesseri tat-tfal tagħhom online. Fit-13 ta’ Lulju 2026, il-kopresidenti tal-bord se jippreżentaw ir-rakkomandazzjonijiet finali tagħhom lill-President.
L-impatt tal-iskrins u tal-media soċjali fuq is-saħħa tal-adolexxenti
L-istħarriġ wera li bħala medja, iż-żgħażagħ fl-UE jqattgħu 4.5 sigħat online fil-jiem tal-iskola u aktar minn 6 sigħat fi tmiem il-ġimgħa. Ir-riżultati jenfasizzaw ir-rabta qawwija bejn l-età li fiha ż-żgħażagħ jibdew jużaw il-media soċjali u l-ħin totali li jqattgħu quddiem l-iskrins.
Sejbiet ewlenin
- 9 minn kull 10 adolexxenti jirrapportaw mill-inqas sintomu negattiv wieħed marbut mal-użu tal-iskrin, bħal għajnejn għajjenin, uġigħ ta’ ras, problemi ta’ konċentrazzjoni, jew alimentazzjoni inqas tajba għas-saħħa
- kważi 1 minn kull 3 adolexxenti jirrapportaw li jħossu stress, dwejjaq jew esklużjoni soċjali minħabba l-media soċjali
- 45% tal-adolexxenti jqabblu ruħhom ma’ oħrajn fuq il-media soċjali
- madwar 25% tal-adolexxenti ltaqgħu ma’ kontenut problematiku online, inkluż diskors ta’ mibegħda
- 40% tal-adolexxenti jitolbu aċċess aħjar għall-appoġġ għas-saħħa mentali
- aktar minn 50% tal-ġenituri jgħidu li l-iskrins għandhom impatt negattiv fuq il-ħajja taż-żgħażagħ, u 36% iħossu li l-media soċjali tagħmel ħsara lill-benesseri mentali ta’ wliedhom
- 54% tal-ġenituri huma favur limiti tal-età addizzjonali jew restrizzjonijiet fuq l-użu tal-media soċjali
It-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tat-tfal online
Fl-2026, il-President von der Leyen waqqfet bord speċjali ta’ esperti biex jgħin fl-iżvilupp ta’ approċċ Ewropew b’saħħtu u prattiku għas-sikurezza tat-tfal online. Il-bord laqqa’ flimkien rappreżentanti taż-żgħażagħ u speċjalisti minn diversi oqsma, inklużi s-saħħa, in-newroxjenza, il-psikoloġija, ix-xjenza tal-kompjuter, id-drittijiet tat-tfal, u l-litteriżmu diġitali, minn madwar l-UE. Huma esploraw kwistjonijiet ewlenin relatati mas-sikurezza tat-tfal online, bħar-riskji u l-benefiċċji tal-użu tal-media soċjali u l-miżuri eżistenti għall-protezzjoni tal-minorenni fl-UE u globalment, u kif dawn jistgħu jissaħħu.
Il-protezzjoni tal-minorenni online u s-sostenn għas-saħħa mentali huma prijoritajiet ewlenin għall-Kummissjoni. Filwaqt li l-UE diġà għandha qafas regolatorju robust fis-seħħ biex tipproteġi lit-tfal online, qed iżżid l-isforzi tagħha b’rispons għar-riskji online li qed jikbru u t-tħassib dwar l-impatt tal-pjattaformi diġitali fuq is-sikurezza, is-saħħa mentali u l-benesseri tal-minorenni.
Għal iktar informazzjoni
Il-bord speċjali dwar is-sikurezza tat-tfal online
L-ewwel laqgħa tal-bord speċjali dwar is-sikurezza tat-tfal online
It-tieni laqgħa tal-bord speċjali dwar is-sikurezza tat-tfal online
Il-protezzjoni u r-responsabbilizzazzjoni taż-żgħażagħ online
Safe clicks: Gwida prattika għas-sikurezza online
- Data tal-pubblikazzjoni
- 16 Ġunju 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni