Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 21 Mejju 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari

Inneħħu l-ostakli għas-suq uniku biex noħolqu opportunitajiet għal kulħadd

 

Is-suq uniku tal-UE jagħti lin-negozji aċċess għal 450 miljun konsumatur. Huwa l-fattur ewlieni li jagħti spinta lill-kompetittività tagħna u t-tieni l-akbar suq fid-dinja. Iżda r-regoli u r-regolamenti tiegħu jafu jkunu kumplessi u ma jippermettux lil min jixtieq jipparteċipa fih u jikber permezz tiegħu. Fi sforz biex jinħoloq suq domestiku Ewropew aktar sempliċi u b’saħħtu, il-Kummissjoni Ewropea introduċiet strateġija ġdida ħalli tissimplifika r-regoli u tnaqqas il-burokrazija.  

Il-miżuri l-ġodda se jagħtu spinta lill-opportunitajiet ta’ tkabbir tan-negozji u se jipprovdu protezzjoni saħansitra ogħla lilna lkoll bħala konsumaturi. Dawn il-miżuri jiffokaw fuq 

  • It-tneħħija tal-fatturi li jimblukkaw: it-tneħħija tal-għaxar ostakli li l-aktar jagħmlu ħsara u li ġew irrapportati min-negozji, peress li huma l-aktar li jxekklu l-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi.
  • Ninjettaw dinamiżmu ġdid fis-settur tas-servizzi tal-Ewropa, fejn il-kummerċ transfruntier qed jistaġna. Il-proposti jinkludu l-immodernizzar tar-regoli fis-settur tal-kostruzzjoni u f’dak postali u tal-pakketti, u l-ħelsien minn regolamentazzjoni mhux meħtieġa għas-servizzi tan-negozju regolati.
  • L-appoġġ għall-iżvilupp u t-tkabbir tal-SMEs bl-introduzzjoni ta’ definizzjoni ġdida ta’ kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja (SMCs, small mid-cap companies), li testendi xi wħud mill-benefiċċji mogħtija lill-SMEs lil dawn l-SMCs.
  • Is-simplifikazzjoni tar-regoli eżistenti u n-normalizzazzjoni tad-diġitalizzazzjoni billi l-kumpaniji jitħallew jissottomettu dokumenti b’mod diġitali meta jiġu biex jikkonformaw ma’ ċerta leġiżlazzjoni tal-UE.
  • It-titjib tas-sjieda konġunta tas-suq uniku mal-pajjiżi tal-UE, bil-ħtieġa li jiġi nnominat rappreżentant ta’ livell għoli għas-suq uniku (imsejjaħ “Sherpa”) biex jissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku tal-UE u jiżgura li jivvaluta l-miżuri nazzjonali u ma jħallhomx jintroduċu fatturi li jimblukkaw l-aċċess għas-suq uniku.  

L-istrateġija tappella lill-pajjiżi tal-UE biex jikkooperaw fl-isforz biex is-suq tal-UE isir l-aħjar għażla għall-kumpaniji, għall-ħaddiema u għall-konsumaturi. Hija parti mill-għan aktar estensiv tal-Kummissjoni li tnaqqas il-burokrazija b’25 % b’mod ġenerali u b’35 % għall-SMEs sa tmiem l-2029. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-partijiet ikkonċernati u mal-pajjiżi tal-UE biex timplimenta dawn il-miżuri u timmonitorja l-impatt tagħhom. 

Għal aktar informazzjoni 

Strateġija għas-suq uniku 

Skeda informattiva 

Pjan ġdid għall-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa 

Stqarrija għall-istampa: Suq Uniku aktar sempliċi biex il-kumpaniji jagħżlu l-Ewropa 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
21 Mejju 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni