
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat inizjattivi biex issaħħaħ l-investiment f’soluzzjonijiet tal-enerġija nadifa prodotta lokalment, iżżid ir-reżiljenza, u tnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija.
Il-kuntest ġeopolitiku attwali jenfasizza r-riskji relatati mad-dipendenza tal-Ewropa fuq il-fjuwils fossili importati. Iċ-ċittadini u l-industriji huma ġustament imħassba dwar il-prezzijiet tal-enerġija għoljin. L-investiment fl-enerġija nadifa hija l-aktar soluzzjoni ta’ nofs it-terminu affordabbli u affidabbli.
Enerġija orħos għaċ-ċittadini tal-UE
Il-pakkett tal-enerġija taċ-ċittadini jqiegħed lin-nies fiċ-ċentru u jappoġġja lill-aktar vulnerabbli fosthom. Se
- jgħin biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija
- jagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex jipproduċu u jikkondividu l-enerġija nadifa tagħhom stess
- jiġġieled kontra l-faqar enerġetiku
Il-konsumaturi se jibbenefikaw ukoll minn
- qlib aktar rapidu bejn il-fornituri
- taxxi u imposti aktar baxxi fuq il-kontijiet tal-elettriku
- informazzjoni aktar trasparenti fuq il-kontijiet u l-kuntratti tal-enerġija
Nagħmlu l-aħjar użu mis-sorsi tal-enerġija tal-Ewropa
L-Ewropa għandha bżonn ukoll bidla fis-sistema tal-enerġija u fl-infrastruttura tal-enerġija tagħha. L-istrateġija tal-investimenti fl-enerġija nadifa se tgħin
- biex jitnaqqas id-distakk bejn il-kapital privat disponibbli u l-investimenti meħtieġa
- biex jiġi mobilizzat il-finanzjament għall-grilji, għat-teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija nadifa u għall-effiċjenza enerġetika
Il-Kummissjoni se twettaq din l-istrateġija mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li beħsiebu jagħti aktar minn €75 biljun f’finanzjament matul it-3 snin li ġejjin biex jappoġġa t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.
Teknoloġiji tal-enerġija nadifa prodotta lokalment għal enerġija affidabbli u affordabbli
It-tisħiħ tal-kapaċità Ewropea u l-bini ta’ ktajjen ta’ provvista robusti għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti hija essenzjali biex jitnaqqsu d-dipendenzi fuq l-importazzjonijiet u tiġi żgurata l-awtonomija strateġika. L-Istrateġija għal reatturi modulari żgħar (SMRs, small modular reactors) se tgħin lill-pajjiżi tal-UE jvaraw l-ewwel SMRs operazzjonali fil-bidu tas-snin 2030. Din se tappoġġa wkoll l-industrija biex taċċellera l-iżvilupp u l-varar tagħhom. Il-Kummissjoni se tikkunsidra żieda tal-InvestEU ta’ €200 miljun addizzjonali biex tappoġġa l-varar ta’ unitajiet kummerċjali addizzjonali ta’ teknoloġiji nukleari innovattivi permezz ta’ garanziji ta’ tnaqqis tar-riskji.
Katina ta’ provvista Ewropea flessibbli hija kruċjali biex
- tiġi żgurata t-tmexxija teknoloġika u industrijali
- ikun hemm ħaddiema tas-sengħa
- tissaħħaħ il-kooperazzjoni regolatorja
- jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ sikurezza
Il-miżuri proposti jibnu fuq il-pjan ta’ azzjoni għall-enerġija affordabbli Għandhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività Ewropea u jnaqqsu d-dipendenza enerġetiċi u l-kostijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi. Il-Kummissjoni se tkompli tippreżenta miżuri addizzjonali biex issaħħaħ ulterjorment is-sigurtà u l-affordabbiltà tal-enerġija tal-Ewropa.
Għal iktar informazzjoni
Mistoqsijiet u tweġibiet dwar l-istrateġija ta’ investiment fl-enerġija nadifa
Mistoqsijiet u tweġibiet dwar l-Istrateġija għar-Reatturi Modulari Żgħar (SMR)
- Data tal-pubblikazzjoni
- 10 Marzu 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni