Iffiltra l-informazzjoni
Illum il-ġurnata, qed niltaqgħu ma’ iktar informazzjoni online minn qatt qabel. Artikli tal-aħbarijiet, pariri dwar is-saħħa, asserzjonijiet xjentifiċi, dibattiti politiċi — mhux kollox huwa affidabbli. Dikjarazzjonijiet foloz, kontenut manipolat u kuntest nieqes jistgħu jagħmluha iktar diffiċli li wieħed ikun jaf x’għandu jafda.
L-UE qed taħdem biex tagħmel l-ispazju tal-informazzjoni iktar affidabbli, u biex tagħtik l-għodod biex tinnaviga fih b’mod kunfidenti.
Fejn issib l-informazzjoni affidabbli
L-informazzjoni affidabbli tibda b’sorsi affidabbli. Dawn huma xi postijiet tajbin minn fejn tibda:
Waqt avveniment ta’ nirien fis-selvaġġ, l-awtoritajiet pubbliċi jintraċċaw u jipprovdu informazzjoni f’ħin reali dwar it-tixrid tan-nirien, il-kwalità tal-arja u r-rotot ta’ evakwazzjoni biex jgħinuk tibqa’ sikur. L-aġenziji tal-aħbarijiet stabbiliti jipprovdu aġġornamenti vverifikati dwar it-trażżin tan-nirien, l-għeluq tat-toroq u l-miżuri ta’ emerġenza. L-awtoritajiet tas-saħħa jispjegaw kif tipproteġi lilek innifsek mid-duħħan tan-nirien fis-selvaġġ, filwaqt li l-verifikaturi tal-fatti jistgħu jgħinuk tinduna b’dikjarazzjonijiet foloz li jistgħu jpoġġuk f’periklu.
Agħraf is-sinjali
Qabel ma temmen jew tikkondividi xi ħaġa li tiltaqa’ magħha online, agħmel verifika ta’ malajr.
Xi ħaġa ma ddoqqlokx?
Li tinduna b’kontenut manipolattiv huwa importanti. Dak li tagħmel wara jgħodd indaqs.
Tikkondividix: Il-kontenut manipolattiv jiddependi fuq in-nies ta’ rieda tajba li jikkondividuh.
Irrapporta: Fl-UE, il-pjattaformi kollha tal-midja soċjali jridu jħalluk tissinjala l-kontenut qarrieqi jew falz direttament. Huma meħtieġa jieħdu azzjoni dwar il-kontenut irrapportat, biex b’hekk ir-rapport tiegħek ikollu piż reali.
Kif l-UE qed tibni spazju tal-informazzjoni iktar san
🌐 Pjattaformi online li jagħtu iktar rendikont ta’ għemilhom
L-UE introduċiet regoli biex il-pjattaformi online kbar isiru iktar trasparenti u jagħtu iktar rendikont ta’ għemilhom. Skont dawn ir-regoli, il-pjattaformi jridu jivvalutaw u jindirizzaw ir-riskji sistemiċi, inkluż it-tixrid tad-diżinformazzjoni u kontenut dannuż ieħor, jew jiffaċċjaw multi sinifikanti.
⚙️ Żieda fit-trasparenza dwar ir-reklamar politiku u l-kontenut iġġenerat mill-IA
Ir-regoli tal-UE jippermettu liċ-ċittadini jaraw min jinsab wara r-reklami politiċi u jifhmu meta l-kontenut ikun ġie ġġenerat jew immanipulat b’mod artifiċjali, inkluż id-deep fakes.
📝 Protezzjoni tal-mezzi tax-xandir liberi u indipendenti
Il-ġurnaliżmu liberu u indipendenti huwa essenzjali għal spazju tal-informazzjoni san. L-UE għandha liġijiet li jipproteġu l-indipendenza editorjali u jipproteġu lill-ġurnalisti, lill-attivisti u lir-riċerkaturi minn azzjoni legali abbużiva maħsuba biex issikkithom.
🏢 Għajnuna liċ-ċittadini biex jibnu litteriżmu diġitali u medjatiku
L-UE tappoġġa inizjattivi ta’ litteriżmu medjatiku, li jgħinu lin-nies ta’ kull età jiżviluppaw il-ħiliet biex isibu informazzjoni affidabbli u jinnavigaw l-ambjent online b’mod kunfidenti.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 16 Lulju 2026
