Mur għall-kontenut ewlieni

Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba u l-ilmenti

Il-Kodiċi jgħin biex jiżgura li l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba jitqiegħdu fil-prattika fuq bażi ta’ kuljum u li l-Kummissjoni tipprovdi servizzi ta’ kwalità għolja lill-pubbliku Ewropew. L-ilmenti jistgħu jiġu indirizzati lill-Kummissjoni f’każ ta’ ksur tal-Kodiċi (ara hawn taħt) jew lill-Ombudsman Ewropew.

Il-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba

Il-Kummissjoni Ewropea hija ddedikata għall-valuri tas-servizz, l-indipendenza, ir-responsabbiltà, l-akkontabilità, l-effiċjenza u t-trasparenza. Dawn il-valuri huma riflessi fil-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, adottat mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Settembru 2000.

Il-Kodiċi jinforma lill-pubbliku dwar l-istandards ta’ mġiba li għandhom jistennew meta jittrattaw mal-Kummissjoni.

Dan jistabbilixxi l-prinċipji li jiggwidaw l-imġiba amministrattiva tas-servizzi tal-Kummissjoni:

  • Il-legalità
  • In-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali
  • Il-proporzjonalità (il-miżuri li jittieħdu għandhom ikunu proporzjonati mal-għan li jrid jintlaħaq)
  • Il-konsistenza.

Aqra l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba

Proċedura għall-ilmenti

Jekk tqis li l-Kummissjoni kisret il-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba tagħha f’kif ġabet ruħha mal-pubbliku, tista’ tippreżenta lment. Il-Kummissjoni Ewropea se teżamina l-ilment u twieġbek.

Kif tressaq ilment

Tista’ tressaq ilment bil-posta jew billitimla din il-formola online.

Il-formola tal-ilmenti tista’ tintbagħat elettronikament jew fuq il-karta. Jekk tippreferi tibgħat verżjoni fuq il-karta, jekk jogħġbok ipprintja l-formola fil-format RTF u ibgħatha lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, li se jgħaddiha lid-dipartiment rilevanti tal-Kummissjoni:

Secretariat-General of the European Commission

Unit C.2 – Ethics, Good Administration & Relations with the European Ombudsman

B-1049 Bruxelles/Brussels

Belgique//Belgium

Min se jittratta l-ilment tiegħek

Id-Direttorat Ġenerali jew id-Dipartiment rilevanti se janalizza s-sustanza tal-ilment tiegħek u jwieġbek bil-miktub fi żmien xahrejn.

Jekk ma tkunx sodisfatt bit-tweġiba, għandek xahar biex titlob lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni biex jirrevedi l-eżitu tal-ilment tiegħek, mid-data li tkun irċevejt it-tweġiba mingħand il-Kummissjoni għall-ilment inizjali tiegħek. Is-Segretarju Ġenerali għandu jwieġeb għal din it-talba fi żmien xahar.

Modi oħra biex tressaq ilment

Tista’ wkoll tressaq ilment direttament mal-Ombudsman Ewropew. Tista’ ssib informazzjoni prattika dwar kif tagħmel dan fis-sit web tal-Ombudsman Ewropew