
Il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni għall-industrija tas-sustanzi kimiċi bl-għan li jissaħħu l-kompetittività u l-modernizzazzjoni ta’ dan is-settur.
Il-pjan ta’ azzjoni jindirizza l-isfidi ewlenin, jiġifieri l-kostijiet għoljin tal-enerġija, il-kompetizzjoni globali inġusta, u d-domanda dgħajfa, filwaqt li jippromwovi l-investiment fl-innovazzjoni u s-sostenibbiltà. Jipproponi l-miżuri li ġejjin
- Reżiljenza u kundizzjonijiet ekwi: l-istabbiliment ta’ Alleanza Kritika għas-Sustanzi Kimiċi biex jiġu indirizzati r-riskji tal-għeluq tal-kapaċità fis-settur u l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta
- Enerġija affordabbli u dekarbonizzazzjoni: l-implimentazzjoni b’pass mgħaġġel tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli biex tgħin fit-tnaqqis tal-kostijiet għoljin tal-enerġija u tal-materja prima
- Swieq ewlenin u innovazzjoni: l-enfasi tal-inċentivi fiskali u l-miżuri tat-taxxa biex tingħata spinta lid-domanda għal sustanzi kimiċi nodfa
- It-teħid ta’ azzjoni fir-rigward ta’ sustanzi per- u polifluworoalkilati (PFAS, per- and polyfluoroalkyl substances): il-minimizzazzjoni tal-emissjonijiet tal-PFAS permezz ta’ restrizzjoni robusta bbażata fuq ix-xjenza, filwaqt li jiġi żgurat l-użu kontinwu f’applikazzjonijiet kritiċi taħt kundizzjonijiet stretti fejn ma jkun hemm l-ebda alternattiva disponibbli
Il-pjan huwa akkumpanjat minn pakkett ta’ simplifikazzjoni, l-hekk imsejjaħ is-sitt Omnibus, biex ikompli jirrazzjonalizza u jissimplifika l-leġiżlazzjoni ewlenija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi. Dan jinkludi s-simplifikazzjoni tar-regoli dwar it-tikkettar tas-sustanzi kimiċi perikolużi, il-kjarifika tar-regolamenti tal-UE dwar il-kożmetiċi, u l-iffaċilitar tar-reġistrazzjoni għall-prodotti fertilizzanti tal-UE. Dawn il-miżuri huma mistennija li jiffrankaw mill-inqas EUR 363 miljun fis-sena għall-industrija.
L-industrija tas-sustanzi kimiċi tal-UE hija r-raba’ l-akbar settur tal-manifattura, b’29,000 kumpanija li jipprovdu 1,2 miljun impjieg dirett u li jappoġġaw 19-il miljun impjieg dirett tul il-ktajjen tal-provvista. Il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għall-industrija tas-sustanzi kimiċi jibni fuq il-Boxxla għall-Kompetittività u l-Patt għal Industrija Nadifa, filwaqt li l-pakkett ta’ simplifikazzjoni jwettaq l-impenn tal-President von der Leyen li tissimplifika l-liġijiet tal-UE u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi, biex tgħin lin-negozji jinnovaw u jikbru.
Għal aktar informazzjoni
Stqarrija għall-istampa: Pakkett dwar is-sustanzi kimiċi
Mistoqsijiet u tweġibiet: Pakkett dwar is-sustanzi kimiċi
Skeda informattiva: Pakkett dwar is-sustanzi kimiċi
Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Sustanzi Kimiċi
- Data tal-pubblikazzjoni
- 8 Lulju 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni