
Il-Kummissjoni Ewropea nediet strateġija tal-UE għall-istartups u għall-iscaleups biex l-Ewropa ssir post mill-aqwa biex wieħed jibda u jkabbar kumpaniji globali xprunati mit-teknoloġija.
L-istartups u l-iscaleups jixprunaw l-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli, joħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja, jattiraw l-investiment u jnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi. Madankollu, għad hemm wisq li għadhom isibu diffikultajiet biex jieħdu l-ideat mil-laboratorju għas-suq jew biex jikbru b’mod sinifikanti u sostenibbli fl-UE. L-istrateġija tindirizza dawn l-isfidi billi tappoġġahom tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom u billi tidentifika l-ħtiġijiet ewlenin tagħhom. Tressaq sett ta’ azzjonijiet li l-Kummissjoni se tieħu fix-xhur li ġejjin f’ħames oqsma ewlenin:
- it-trawwim ta’ ambjent favorevoli għall-innovazzjoni: inqas frammentazzjoni, inqas piżijiet amministrattivi u regoli iktar sempliċi
- l-ixprunar ta’ finanzjament aħjar: suq tal-kapital ta’ riskju tal-UE li jkun akbar u iktar integrat, u involviment akbar tal-investituri istituzzjonali Ewropej
- l-appoġġ għall-adozzjoni mis-suq u għall-espansjoni fih: proċess iktar rapidu mil-laboratorju għas-suq
- l-attirar u ż-żamma tal-aqwa talent: aċċess aħjar għal individwi b’ħiliet ta’ livell għoli
- l-iffaċilitar tal-aċċess għall-infrastruttura, għan-networks u għas-servizzi: aċċess u kundizzjonijiet kuntrattwali diverġenti ssimplifikati u armonizzati
L-istrateġija tallinja mal-inizjattiva usa’ Agħżel l-Ewropa. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija sa tmiem l-2027.
Għal iktar informazzjoni
Strateġija tal-UE għall-istartups u għall-iscaleups
Stqarrija għall-istampa: Strateġija tal-UE għall-istartups u għall-iscaleups
Mistoqsijiet u Tweġibiet: Strateġija tal-UE għall-istartups u għall-iscaleups
Skeda informattiva: Strateġija tal-UE għall-istartups u għall-iscaleups
- Data tal-pubblikazzjoni
- 28 Mejju 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni