Mur għall-kontenut ewlieni

Azzjonijiet għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ

L-għoti ta’ protezzjoni u sikurezza lill-persuni LGBTIQ

Il-persuni leżbjani, gay, bisesswali, trans, intersesswali u queer (LGBTIQ) fl-UE jsofru diskriminazzjoni, mibegħda u fastidju kuljum. Dan jista’ jwassal għal effetti dannużi għall-benesseri fiżiku, mentali u emozzjonali. Irridu nistinkaw biex nipproteġu d-drittijiet u s-sikurezza tal-persuni LGBTIQ.

Għal diversi persuni fl-UE, għadu mhux sikur li juru bil-miftuħ l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess tagħhom u li sempliċiment ikunu huma nnifishom mingħajr ma jħossuhom mhedda. Għadd importanti ta’ persuni LGBTIQ huma wkoll f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Mhux kollha jħossuhom sikuri li jirrapportaw abbuż verbali u vjolenza fiżika lill-pulizija.

L-UE trid tkun fuq quddiem nett fl-isforzi biex tipproteġi aħjar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u tippromwovi b’mod attiv l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha.

alt=""
64% tar-rispondenti LGBTIQ

ħassew li ġew diskriminati talli huma LGBTIQ

alt=""
72% tal-Ewropej

jaqblu li ż-żwiġijiet bejn l-istess sess għandhom ikunu permessi fl-UE kollha

alt=""
43% tal-persuni LGBTIQ

esperjenzaw fastidju minħabba li huma LGBTIQ

Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025

Fl-2020, il-Kummissjoni adottat l-ewwel strateġija li qatt saret dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ.

L-istrateġija tistabbilixxi sensiela ta’ azzjonijiet immirati biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi li jaffettwaw lill-persuni LGBTIQ, biex tiġi integrata l-ugwaljanza tal-LGBTIQ fl-oqsma kollha ta’ politika, u biex tgħin biex jinstemgħu l-ilħna tal-persuni LGBTIQ. Hija għandha l-għan li tlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri u lill-atturi fil-livelli kollha fi sforz komuni biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni tal-LGBTIQ b’mod aktar effettiv sal-2025.

L-istrateġija tiffoka fuq erba’ pilastri ewlenin:

A person holding a poster with a rainbow and the words "Love is Love"
l-indirizzar tad-diskriminazzjoni
A person holding a rainbow flag
l-iżgurar tas-sikurezza
A woman in a wheelchair, with a rainbow flag flowing behind
il-bini ta’ soċjetajiet inklużivi
A transgender woman
il-promozzjoni tas-sejħa għall-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ madwar id-dinja

Traċċar tal-progress

Ir-rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija, ippubblikat fl-2023, juri li l-mibegħda u n-narrattivi kontra l-LGBTIQ infirxu b’mod wiesa’ fis-soċjetajiet Ewropej f’dawn l-aħħar snin. Il-Kummissjoni ħadet miżuri biex tindirizza dan u ma qagħditx lura milli tibda proċeduri ta’ ksur f’każijiet fejn id-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ inkisru.

Min-naħa l-oħra, ir-rapport sab li għadd dejjem akbar ta’ pajjiżi tal-UE adottaw pjanijiet ta’ azzjoni jew strateġiji nazzjonali dwar l-LGBTIQ biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni tal-persuni LGBTIQ. Huma introduċew jew emendaw ukoll liġijiet biex jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali.

Għalkemm il-progress jista’ jieħu ż-żmien, ħafna mill-miżuri li jinsabu fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 twettqu jew qed jiġu implimentati bl-għan li jintegraw l-ugwaljanza fil-politiki, fil-leġiżlazzjoni u fil-programmi ta’ finanzjament kollha tal-UE, u li jkomplu jippromwovu approċċ intersezzjonali u attenzjoni għall-persuni LGBTIQ.

Appoġġ għall-persuni LGBTIQ

Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja finanzjarjament proġetti li jippromwovu l-ugwaljanza tal-LGBTIQ, pereżempju permezz tal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV). 

Barra minn hekk, 5 organizzazzjonijiet umbrella tal-LGBTIQ jirċievu appoġġ finanzjarju dirett permezz ta’ għotjiet tas-CERV:

Aktar informazzjoni dwar il-finanzjament u sejħa għal proposti ġodda

Testimonjanzi

Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata wkoll li tixxerja testimonjanzi bil-video ta’ stejjer personali minn persuni LGBTIQ fl-Ewropa kollha.

Protezzjoni legali għall-persuni LGBTIQ

L-Unjoni Ewropea hija ffukata fuq l-infurzar u t-titjib tal-protezzjoni legali għall-persuni LGBTIQ f’diversi oqsma ewlenin, inklużi: 

  • It-tisħiħ tal-protezzjoni legali għal persuni LGBTIQ kontra reati ta’ mibegħda, diskors ta’ mibegħda u vjolenza 
  • L-iżgurar tad-drittijiet u t-titjib tal-protezzjoni tal-persuni LGBTIQ u tal-familji f’sitwazzjonijiet transfruntieri 
  • Il-ħarsien tad-drittijiet tal-migranti u tal-applikanti LGBTIQ għal protezzjoni internazzjonali

Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jikkonformaw mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE meta jimplimentaw il-liġi tal-UE. Id-drittijiet fundamentali huma normalment protetti wkoll mill-kostituzzjoni ta’ pajjiżek. Jekk tħoss li d-drittijiet tiegħek għall-ugwaljanza qed jinkisru, ara kif tista’ tressaq ilment fil-livell nazzjonali