
Lil Sofia Pereira Sá sabulha kanċer fis-sajf tal-2023 u ħadet 20 ċiklu kimoterapija. Għadha s’issa tħoss xi effetti sekondarji, bħall-“chemo brain”. “Dawn l-effetti sekondarji kollha ma ħallewnix inkun l-omm li xtaqt inkun għal ibni, li għandu sena u nofs. Ma stajtx nilgħab miegħu, ma stajtx nagħtih banju, ma stajtx nieħdu l-iskola. Minn dak kollu li għaddejt minnu, din kienet l-aktar ħaġa diffiċli. Kienet esperjenza ta’ qsim il-qalb,” tiftakar Sofia.
L-istorja ta’ Sofia hija komuni ħafna u tfakkarna li l-marda tmiss lil kulħadd.
Il-Jum Dinji Kontra l-Kanċer, l-4 ta’ Frar, jinkoraġġixxi l-prevenzjoni tal-kanċer madwar id-dinja u jimmobilizza l-inizjattivi biex tiġi indirizzata din il-marda. Skont ir-rapporti li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea għall-2025 dwar il-kanċer f’kull pajjiż tal-UE, fin-Norveġja, u fl-Iżlanda, ir-rati tas-sopravivenza ta’ nies bil-kanċer fl-UE żdiedu bi 12%. Madankollu, il-prevalenza tal-kanċer żdiedet b’24% u l-inugwaljanzi b’rabta mal-kanċer għadhom jippersistu fil-pajjiżi tal-UE.
Mir-rapporti jirriżulta li madwar nofs il-każijiet tal-kanċer huma kkawżati minn erba’ tipi ewlenin: il-kanċer kolorettali, il-kanċer tal-pulmun, il-kanċer tal-prostata, u l-kanċer tas-sider. Ir-rapporti jinnotaw ukoll xi titjib fir-rigward ta’ diversi fatturi ta’ riskju tal-kanċer fl-UE, inklużi tnaqqis fir-rati tat-tipjip u tnaqqis ġenerali fl-użu tal-alkoħol. Madankollu, il-piż żejjed u l-obeżità jibqgħu sfida li dejjem tikber: aktar minn nofs l-adulti fl-UE għandhom piż żejjed.
L-UE qed tagħti sehemha b’mod attiv biex jiġi affrontat il-kanċer. Fl-2021, ħarġet il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer. Bih ġew stabbiliti diversi inizjattivi ewlenin biex jittejbu l-prevenzjoni tal-kanċer, id-detezzjoni bikrija, id-dijanjożi, il-kura, u l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti u ta’ dawk li jissopravivu l-kanċer fl-UE.
Hekk kif beda joqrib il-Jum Dinji Kontra l-Kanċer, waħda minn dawn l-inizjattivi, l-Inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kanċer tas-Sider, ippubblikat l-ewwel verżjoni uffiċjali tal-iskema Ewropea ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għas-servizzi marbutin mal-kanċer tas-sider. L-iskema tiddefinixxi sett ta’ rekwiżiti ta’ kwalità għall-kura tal-kanċer tas-sider, li jkopru l-iskrinjar, id-dijanjożi, il-kura, u l-viżti ta’ wara madwar l-UE.
Fil-Jum Dinji Kontra l-Kanċer, il-Kummissarju Várhelyi qed jospita l-ewwel djalogu politiku tiegħu maż-żgħażagħ dwar inizjattivi politiċi. Dan se jagħmlu ma’ 30 żagħżugħ u żagħżugħa li ssopravivew il-kanċer u professjonisti żgħażagħ fil-qasam tal-kanċer. Id-djalogu huwa okkażjoni biex il-parteċipanti jgħidu l-fehmiet tagħhom dwar il-politika u l-programmi tal-UE dwar is-saħħa fil-qasam tal-onkoloġija u jiddiskutu kif il-politika tas-saħħa tista’ taqdi aħjar lill-pazjenti u lil dawk li ssopravivew il-kanċer.
Fil-frattemp, lil Sofia – li issa qed taħdem fil-komunikazzjoni fl-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka – qed joffrilha tama proġett ta’ riċerka li għaddej bħalissa u li hluwa ffinanzjat bħala parti mill-programm tal-UE ‘Azzjonijiet Marie Sklodowska Curie’. Il-kura ġdida, li hija bbażata fuq ’l hekk imsejjaħ “superglue”, tista’ tgħin lis-sistema immunitarja tiġġieled il-kanċer b’mod aktar effettiv, b’inqas effetti sekondarji.
Għal aktar informazzjoni
Skeda informattiva – Il-Pjan tal-UE dwar il-Kanċer: Nagħmlu differenza
Profili tal-Pajjiżi b’rabta mal-Kanċer
Reġistru Ewropew tal-Inugwaljanzi b’rabta mal-Kanċer
Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer
Skrinjar, Dijanjożi u Kura tal-Kanċer
Xahar ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-kanċer ċervikali: Proġetti tal-EU4Health li jikkuntrastaw l-HPV
- Data tal-pubblikazzjoni
- 4 Frar 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni