
“La pajjiżek joffrilek il-possibbiltà li tmur għal skrinjar tal-kanċer tas-sider b’xejn, għaliex ma tmurx?” Din kienet il-mistoqsija ta’ Marzia Zambon kif bdiet l-intervista. Zambon hija d-direttur eżekuttiv ta’ Europa Donna, l-akbar organizzazzjoni Ewropea għall-promozzjoni tal-pazjenti bil-kanċer tas-sider.
Fejn jidħol il-kanċer tas-sider, l-għarfien jagħti setgħa kbira. Pereżempju, nafu li 35% tal-każijiet ta’ kanċer jistgħu jiġu evitati permezz ta’ stil ta’ ħajja aħjar (ikel aktar san, aktar eżerċizzju), jew permezz tal-iskrinjar u tad-detezzjoni bikrija. Kull sena, fil-15 ta’ Ottubru, Europa Donna torganizza Jum is-Saħħa tas-Sider biex tħeġġeġ lin-nisa ta’ kull età jieħdu ħsieb saħħithom.
Meta tiġi dijanjostikat bil-kanċer ikollok bżonn pjan: mill-konsultazzjoni mal-ispeċjalisti biex jinstab l-aqwa trattament, għall-appoġġ mentali u fiżiku, għall-integrazzjoni mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol u fis-soċjetà.
“Tkompli tgħix ħajtek, li fil-verità ma tkun għadha ħajtek xejn. Huwa proprju għalhekk li l-gwida għall-persuni b’kanċer tas-sider hija daqshekk importanti”, tispjega Marzia. “In-nisa għandhom jingħataw ħafna aktar informazzjoni dwar is-saħħa meta jiġu dijanjostikati, u wara għandhom jirċievu ħafna aktar appoġġ”.
L-UE qed tieħu azzjoni permezz tal-pjan tal-Ewropa biex jingħeleb il-kanċer, impenn politiku biex isir progress fil-ġlieda kontra l-kanċer. L-inizjattiva komprensiva tkopri l-prevenzjoni, id-detezzjoni bikrija, id-dijanjożi u t-trattament, u l-kwalità tal-ħajja. Fir-rigward tal-kanċer tas-sider, l-għan tal-pjan hu li jiżgura li 90% tal-gruppi fil-mira rakkomandati jkollhom aċċess għal skrinjar ibbażat fuq l-evidenza u ta’ kwalità.
Meta ġiet mistoqsija kif l-UE setgħet tagħmel l-akbar differenza fil-ħajja tan-nisa li jgħixu bil-kanċer tas-sider, Marzia ma qagħditx taħsibha. “L-implimentazzjoni tal-pjan tal-Ewropa biex jingħeleb il-kanċer. Ix-xogħol amministrattiv lest, u issa wasal iż-żmien li tibda l-ħidma vera”.
Kollha kemm aħna nistgħu nagħtu sehemna, billi mmorru għall-iskrinjar, billi niżguraw li l-pazjenti jkunu infurmati u appoġġati aħjar, jew billi nindirizzaw l-ostakli u l-inugwaljanzi li għadhom jeżistu fir-rigward tal-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer tas-sider. Nistgħu nieħdu azzjoni bikrija biex flimkien niġġieldu l-kanċer tas-sider.
Għal aktar informazzjoni
Pjan tal-Ewropa kontra l-kanċer
Skrinjar, dijanjożi u kura tal-kanċer
Pajjiżi membri ta’ Europa Donna
- Data tal-pubblikazzjoni
- 15 Ottubru 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Aħbarijiet relatati
Kun af in-numri tiegħek, ipproteġi qalbek — agħmel kontroll sempliċi u ngħaqad mal-bqija tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-qattiel sieket. Illum tibda l-ewwel ġimgħa tal-UE għall-iskrinjar, inizjattiva li tħeġġeġ lin-nies jagħmlu t-testijiet għad-detezzjoni tal-mard kardjovaskulari u żżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-prevenzjoni.
L-EHIC tippermettilek tirċievi l-kura medika meħtieġa u urġenti barra mill-pajjiż, inkluż għal mard kroniku jew eżistenti, kif ukoll għat-tqala u l-ħlas. L-EHIC hija valida fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit.
The Commission has unveiled an update of the European Code Against cancer, which sets out practical ways to help prevent the disease. The revised code puts strong focus on lifestyle choices and public health measures to reduce cancer risk.
Il-Kummissjoni Ewropea ressqet sensiela ta’ miżuri ġodda li se jtejbu s-saħħa tal-Ewropej u li se jikkontribwixxu għal settur tal-kura tas-saħħa aktar modern, effiċjenti u reżiljenti fl-UE.