Fit-22 ta’ Marzu, il-Belġju se jikkommemora l-10 snin minn mindu, fl-2016, seħħew l-attakki fi Brussell, meta terroristi suwiċidi splodew bombi fl-ajruport u l-metro tal-belt. L-attakki ħallew 32 ruħ mejta u aktar minn 300 ruħ midruba, u ħasdu lill-pajjiż u lill-Ewropa.Għaddew 10 snin, u bosta li baqgħu ħajjin wara dawk l-attakki għadhom ibatu l-konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi kaġun ta’ dak li ġarrbu dakinhar. Qed isiru kommemorazzjonijiet b'rispett lejn dawk li tilfu ħajjithom u dawk li baqgħu ħajjin, kif ukoll biex ifakkruna fir-reżiljenza u s-solidarjetà fil-kuntest tal-evoluzzjoni tat-theddid.Fi stqarrija, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, tat ġieħ lil dawn il-vittmi. Kellha wkoll kliem ta’ tifħir għal kif l-Ewropa ngħaqdet wara l-attakk kif ukoll għal kif, f’dawn l-aħħar 10 snin, saħħaħna d-determinazzjoni tagħna u approfondixxejna l-kooperazzjoni bejnietna biex nikkumbattu t-terroriżmu. Tabilħaqq, is-snin ta’ wara l-attakki sawru l-mod kif kemm il-Belġju kif ukoll l-UE jaħdmu għas-sigurtà u jikkumbattu t-terroriżmu. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-iżgurar tas-sigurtà taċ-ċittadini tagħha huma prijorità ewlenija tal-UE. Permezz tal-ProtectEU, l-istrateġija Ewropea għas-sigurtà interna, fi Frar tal-2026 il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat aġenda ġdida biex nipprevjenu t-terroriżmu u nikkumbattuh. L-aġenda tistabbilixxi t-triq ’il quddiem biex insaħħu r-rispons kollettiv tal-Ewropa għall-mod kif qed jevolvi t-theddid terroristiku u estremist vjolenti. L-UE saħħet ukoll l-isforzi tagħha kontra r-radikalizzazzjoni. Iċ-Ċentru ta’ Għarfien tal-UE dwar il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni jlaqqa’ flimkien lill-professjonisti, dawk li jfasslu l-politika, u riċerkaturi li jaħdmu fuq il-prevenzjoni madwar l-Ewropa u f’pajjiżi terzi prijoritarji.L-anniversarju tal-attakki fi Brussell ħabat ftit wara l-Jum Ewropew b’Tifkira tal-Vittmi tat-Terroriżmu, li sar aktar kmieni dan ix-xahar. Din iċ-ċerimonja annwali tonora lill-vittmi tal-attakki terroristiċi madwar l-Ewropa u lil dawk li baqgħu ħajjin, u tafferma mill-ġdid is-solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ma’ dawk li ntlaqtu. Għal iktar informazzjoniIs-sigurtà u d-difiżaIl-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni Dettalji Data tal-pubblikazzjoni20 Marzu 2026AwturId-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni