
Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE — il-Guyana Franċiża, Guadeloupe, Martinique, Mayotte, Réunion, Saint-Martin (Franza), l-Azores, Madeira (il-Portugall), u l-Gżejjer Kanarji (Spanja) — huma t-territorji l-aktar remoti tagħha, u fihom jgħixu 5 miljun ruħ. Dawn ir-reġjuni jestendu l-preżenza tal-UE madwar id-dinja u għandhom rwol ġeostrateġiku fundamentali. Il-Kummissjoni ppreżentat strateġija ġdida li se tiżgura li dawn ir-reġjuni remoti jkunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom, b’appoġġ aktar b’saħħtu, reżiljenza akbar, u opportunitajiet aktar ġusti għal nieshom.
Il-Kummissjoni pproponiet ukoll adattamenti mmirati għal-liġijiet tal-UE biex dawn jirriflettu aħjar ir-realtajiet u r-restrizzjonijiet uniċi tar-reġjuni ultraperiferiċi. Il-proposti, li tfasslu skont il-ħtiġijiet tar-reġjuni kkonċernati, ikopru oqsma bħall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, il-migrazzjoni, u t-tassazzjoni.
L-istrateġija hija msejsa fuq erba’ objettivi:
- Li nisfruttaw il-potenzjal ġeostrateġiku u nsaħħu l-integrazzjoni reġjonali: nallinjaw aħjar il-politiki interni u esterni tal-UE biex napprofondixxu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien.
- Li nkabbru l-kompetittività u l-aċċess għas-suq uniku: nappoġġaw l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti f’setturi kompetittivi lokali, bħall-ekonomija blu, l-enerġija rinnovabbli, il-bijoteknoloġija, ir-riċerka, u l-ispazju.
- Li ntejbu r-reżiljenza u l-preparatezza: intejbu l-adattament għat-tibdil fil-klima u nindirizzaw l-isfidi ambjentali filwaqt li nipproteġu aħjar il-bijodiversità. Insaħħu r-rispons għad-diżastri, nappoġġaw l-awtonomija enerġetika, nipproteġu l-infrastruttura kritika bħall-portijiet u l-kejbils sottomarini, u nsaħħu s-sigurtà tal-ikel u l-awtosuffiċjenza.
- Li nippromwovu l-ekwità soċjali u nappoġġaw lin-nies: nikkontribwixxu biex jinħolqu l-impjiegi, biex jitjieb l-aċċess għall-edukazzjoni, għall-akkomodazzjoni bi prezzijiet raġonevoli, għal ilma nadif, u għas-servizzi tas-saħħa, u biex jonqos il-faqar, filwaqt li nappoġġaw id-dritt tan-nies li jibqgħu fil-post li jqisuh darhom — b’mod partikulari fil-każ taż-żgħażagħ.
F’livell usa’, l-UE qed tiżgura wkoll li, b’mod ġenerali, l-appoġġ tagħha għar-reġjuni ultraperiferiċi jkun aktar koerenti. Pereżempju, il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi rieżaminata l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tinkludi diversi dispożizzjonijiet importanti għal dawn ir-reġjuni. L-istess jagħmel l-Att dwar l-Akkwist Pubbliku propost, li jippermetti t-tfassil ta’ ċerti regoli dwar l-akkwist skont l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi.
’Il quddiem, il-Kummissjoni se tqis is-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi meta tkun qed tħejji inizjattivi futuri. L-għan tagħha hu li tippromwovi sħubija robusta bejn dawn ir-reġjuni, il-pajjiżi tal-UE, u l-Kummissjoni, inkluż permezz ta’ djalogu strutturat annwali u ta’ portal apposta.
Għal iktar informazzjoni
L-istrateġija tal-UE għar-reġjuni ultraperiferiċi — Komunikazzjoni
Portal ġdid għar-reġjuni ultraperiferiċi
- Data tal-pubblikazzjoni
- 10 Settembru 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni