Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Intejbu l-effiċjenza enerġetika tal-bini sabiex inraħħsu l-kontijiet u niffrankaw l-enerġija

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 29 Mejju 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari
Energy efficient residential house

 

Fit-30 ta’ Mejju 2026 jidħlu fis-seħħ regoli ġodda biex fl-UE kollha jitjieb ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Dawn ir-regoli huma maħsubin biex jappoġġaw lill-pajjiżi tal-UE fl-immodernizzar tal-istokk tal-bini tagħhom sabiex jiffrankaw l-enerġija, iraħħsu l-kontijiet, u jkollhom, sal-2050, stokk tal-bini b’emissjonijiet żero u kompletament dekarbonizzat.

Għaliex l-UE qed tieħu din id-direzzjoni?

Il-binjiet huma l-akbar konsumatur tal-enerġija fl-UE, u jirrappreżentaw 40% tal-konsum tal-enerġija tal-UE u 36% tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-enerġija. Ħafna mill-binjiet fl-UE huma qodma u 75% minnhom għandhom prestazzjoni enerġetika fqira, li jagħmilha prijorità ewlenija li jiġi rrinnovati. 

It-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija jista’ jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien għaċ-ċittadini, jgħin biex jitnaqqsu l-konsum u l-ispejjeż tal-enerġija, isaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija, u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

X’qiegħda tagħmel l-UE?

Id-Direttiva riveduta dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija tistabbilixxi regoli aġġornati biex gradwalment, fid-deċennji li ġejjin jiġu mmodernizzati d-djar, l-uffiċċji, u l-binjiet pubbliċi.

Il-pajjiżi tal-UE huma marbutin li jelaboraw pjanijiet nazzjonali ta’ rinnovazzjoni tal-bini mfasslin skont iċ-ċirkustanzi u l-istokk tal-bini fil-livell nazzjonali. Il-qafas il-ġdid iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jżidu r-rinnovazzjonijiet tal-bini, b’mod partikulari tal-binjiet bl-agħar rendiment, b’enfasi fuq

  • Ir-rinovazzjoni: kull pajjiż tal-UE se jiddeċiedi liema miżuri ta’ rinnovazzjoni huma l-aktar xierqa biex gradwalment jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija
  • Id-dekarbonizzazzjoni: il-binjiet b’emissjonijiet żero se jsiru l-istandard għall-bini l-ġdid, bl-integrazzjoni progressiva tal-enerġija solari u t-tneħħija gradwali tal-bojlers tal-fjuwils fossili
  • Il-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni: inklużi rekwiżiti għal punti tal-iċċarġjar intelliġenti għall-vetturi elettriċi u għal spazji għar-roti f’binjiet ġodda u rinnovati, għal sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini f’binjiet mhux residenzjali, u għal kwalità ambjentali interna f’binjiet ġodda u eżistenti
  • L-assistenza finanzjarja u teknika: finanzjament aktar immirat biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u jiġu appoġġati l-familji vulnerabbli u dawk li jgħixu fl-akkomodazzjoni soċjali, filwaqt li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun soċjalment ġusta 

Għall-biċċa l-kbira taċ-ċittadini, il-bidliet se jseħħu gradwalment. Eżempji konkreti:

  • aktar appoġġ għal proġetti ta’ rinnovazzjoni tad-djar
  • inċentivi ġodda għal sistemi ta’ iżolament u tisħin effiċjenti
  • aktar installazzjonijiet solari
  • standards aktar stretti għal kostruzzjonijiet ġodda
  • attenzjoni akbar għar-rendiment fl-użu tal-enerġija meta tinxtara jew tinkera proprjetà.

Iktar informazzjoni

L-enerġija bi prezzijiet raġonevoli

Il-faqar enerġetiku

L-enerġija

Data tal-pubblikazzjoni
29 Mejju 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni