Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 27 Lulju 2024
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari

L-UE fil-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi 2024: l-għaqda, is-solidarjetà u d-diversità

Composition of the EU stars around the Eiffel Tower
Composition of the EU stars around the Eiffel Tower. © 2024 International Olympic Committee

 

Nipprattikawh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum - meta nimxu biex naħdmu jew immorru għall-għawm. Narawh u ngawduh b’mod dirett jew fuq it-televiżjoni. L-isport hu għalkollox madwarna, u jirrappreżenta parti integrali mill-ħajja ta’ miljuni ta’ Ewropej. B’mod speċjali dan is-sajf, wara li l-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi tal-2024, l-akbar avveniment sportiv globali ta’ kulħadd, beda lbieraħ, b’Ċerimonja tal-Ftuħ imxandra mad-dinja kollha. 

Għall-ewwel darba l-UE dehret b’mod prominenti ħafna fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi tal-2024 bi prestazzjoni fuq barkun fuq wiċċ l-ilma taħt il-motto tal-Unjoni Ewropea “Magħquda fid-diversità”. Fuq id-dgħajsa kien hemm żeffiena, li jissimbolizzaw iż-żgħożija, l-ispirtu tal-ftuħ u d-dinamiżmu tal-UE, li żifnu l-mużika tal-Eurodance.

Din kienet opportunità unika għall-UE biex tippromwovi l-valuri tagħha bħall-paċi, l-għaqda u s-solidarjetà, fejn id-diversità hi saħħa, u l-ispirtu ta’ tim hu kruċjali għas-suċċess, billi assoċjathom ma’ dawk tal-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi tal-2024. 

Il-logħob Olimpiku joffri wkoll l-okkażjoni biex tiġi enfasizzata l-importanza tal-libertà tal-moviment u l-istudju fl-UE, speċjalment għaż-żgħażagħ, kif ukoll il-politiki u l-attivitajiet tal-UE marbutin mal-appoġġ għall-isport u ż-żgħażagħ.

Nedejna wkoll il-counter tal-midalji Ewropej – Tim Ewropa 2024 għal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku, fejn se tkun tista’ ssegwi u tiċċelebra l-kisbiet tal-atleti tal-UE billi tgħodd il-midalji tagħhom.

View of the European boat at the opening ceremony of the Paris 2024 Olympic games
View of the European boat at the opening ceremony of the Paris 2024 Olympic games ©Getty Images

Iżda x’tagħmel l-UE biex tippromwovi l-isport? 

L-isport għandu jkun għal kulħadd. Hu għalhekk li l-UE tippromwovih permezz tal-programm Erasmus+ tagħha, filwaqt li tippromwovi d-djalogu, l-appoġġ u l-parteċipazzjoni fl-oqsma kollha tal-politika tal-isport. Hemm ukoll il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport li ssir kull sena mit-23 sat-30 ta’ Settembru, inizjattiva li tippromwovi l-benefiċċji tal-isport u tal-attività fiżika fl-Ewropa kollha fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

Li l-isport isir aċċessibbli għal kulħadd hu wkoll dwar it-trawwim ta’ sens ta’ inklużjoni u integrazzjoni soċjali. Kull sena, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-organizzazzjonijiet li xogħolhom juża s-setgħa tal-isport biex itejjeb l-inklużjoni soċjali għall-gruppi żvantaġġati permezz tal-Premjijiet tal-UE għall-Isport #BeInclusive. Taħdem ukoll mal-pajjiżi kollha tal-UE u mal-organizzazzjonijiet sportivi nazzjonali biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-isport. 

L-isport għandu jkun ġust ukoll, b’mod partikolari fl-isport kompetittiv u professjonali. L-UE tipproteġi l-integrità fl-isport billi tiġġieled kontra d-doping, kif tagħmel billi tikkoordina u taqsam l-informazzjoni mas-sħab internazzjonali. Fir-rigward tax-xiri tal-logħob, il-Kummissjoni tieħu rwol attiv, bħala parti minn sforzi usa’ biex tiżgura li l-isport kompetittiv jibqa’ ġust.

Permezz ta’ dawn l-isforzi biex l-isport isir aktar ġust, aktar inklużiv u aktar aċċessibbli, l-UE qed tgħin biex jintlaħqu l-valuri ewlenin tagħha ta’ paċi, unità, solidarjetà u diversità. U dan hu kif għandu jkun. Wara kollox, l-isport għandu rwol vitali, mhux biss fis-saħħa u l-istat fiżiku tajjeb individwali, iżda wkoll fit-tiswir tas-soċjetà Ewropea usa’ tagħna. 

Għal aktar informazzjoni:

Counter tal-midalji Ewropej

L-UE u l-isport

Ġimgħa Ewropea tal-Isport

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
27 Lulju 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni