Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 25 Awwissu 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari

Niċċelebraw ir-reżistenza u r-reżiljenza fl-okkażjoni ta’ Jum l-Indipendenza tal-Ukrajna

Ukrainian flag in front of the Berlaymont building

 

Fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux ġustifikata tar-Russja, ir-reżistenza u r-reżiljenza tal-Ukrajna jibqgħu jservu ta’ eżempju mill-aqwa għalina lkoll. Fl-24 ta’ Awwissu ċċelebrajna Jum l-Indipendenza tal-Ukrajna u onorajna d-determinazzjoni qawwija li għandu l-pajjiż biex jiddefendi l-libertà u d-demokrazija. Il-Kummissjoni Ewropea tellgħet il-bandiera tal-Ukrajna quddiem il-binja Berlaymont fi Brussell, li nxtegħlet bl-ilwien Ukreni bħala ġest ta’ solidarjetà.

Filwaqt li niċċelebraw din l-okkażjoni importanti, infakkru li l-Ewropa tibqa’ spalla ma’ spalla mal-Ukrajna, f’kull mument. L-UE pprovdiet u se tkompli tipprovdi lill-Ukrajna, sakemm jibqa’ l-bżonn, assistenza politika, finanzjarja, umanitarja, militari, u diplomatika soda. S’issa, dan l-appoġġ jammonta għal €168.9 biljun, u jinkludi żborż ieħor ta’ €4.05 biljun li ngħata lill-pajjiż qabel Jum l-Indipendenza tiegħu.

Jinkludi wkoll sa €50 biljun fl-ambitu tal-Faċilità għall-Ukrajna. Dan l-istrument apposta qed jappoġġa l-irkupru, il-bini mill-ġdid, u t-triq tal-Ukrajna lejn l-adeżjoni mal-UE. Ġew mobilizzati wkoll €59.6 biljun f’appoġġ militari għall-Ukrajna, li qed jgħin biex jitwassal tagħmir militari u jitħarrġu l-Forzi Armati Ukreni.

L-Ewropa tibqa’ qrib il-popolazzjoni Ukrena, u qed talloka aktar minn €1.1 biljun għal programmi ta’ għajnuna umanitarja fl-Ukrajna. Barra minn hekk, sa mill-bidu tal-gwerra, il-pajjiżi tal-UE laqgħu aktar minn erba’ miljun ruħ mill-Ukrajna fl-ambitu tal-iskema ta’ protezzjoni temporanja tal-UE.

Li nkunu spalla ma’ spalla mal-Ukrajna jfisser ukoll li nesiġu li r-Russja tagħti kont għal għemilha. F’din l-aħħar sena biss, l-UE adottat erba’ pakketti oħrajn ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja. Fid-9 ta’ Mejju, Jum l-Ewropa, koalizzjoni internazzjonali ta’ stati adottat id-Dikjarazzjoni ta’ Lviv, li tifformalizza l-appoġġ tagħhom biex, fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, jinħoloq Tribunal Speċjali għad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Naturalment, l-għan huwa li jkun hemm paċi komprensiva, ġusta, u sostenibbli fl-Ukrajna. Biex naslu s’hemm, irridu nsibu soluzzjoni diplomatika li tipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà kemm tal-Ukrajna kif ukoll tal-Ewropa, u li tippermetti lill-Ukrajna tiddefendi b’mod effettiv is-sovranità u l-integrità territorjali tagħha. Fi kliem ieħor, soluzzjoni li tippermetti li l-Ukrajna tkun tabilħaqq indipendenti.

Għal aktar tagħrif 

Stqarrija għall-istampa: L-UE tagħti aktar minn €4 biljun lill-Ukrajna qabel Jum l-Indipendenza

Is-solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna 

Slava Ukraini, viva l-Ewropa

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
25 Awwissu 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni