
Il-kliem profetiku ta’ Robert Schuman minn 75 sena ilu għadu validu llum
“L-Ewropa mhix se tissawwar kollha f’daqqa, jew skont pjan sempliċi. Se tissawwar b’kisbiet konkreti li l-ewwel joħolqu solidarjetà de facto."
Fid-9 ta’ Mejju 1950, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż ta’ dak iż-żmien Robert Schuman ippreżenta pjan għal kooperazzjoni aktar profonda fl-Ewropa. Dan kellu jsir il-bażi għall-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea. Id-diskors tiegħu dakinhar, magħruf bħala d-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, issa jitqies b’mod mifrux bħala d-data tat-twelid tal-Unjoni Ewropea. Huwa għalhekk li llum niċċelebraw Jum l-Ewropa.
Fl-1950, il-pajjiżi Ewropej kienu għadhom qed jirkupraw mill-qerda umana u ekonomika tat-Tieni Gwerra Dinjija. Grupp ta’ politiċi Ewropej, determinati li ma jirrepetux l-iżbalji tal-passat, kellhom viżjoni komuni ta’ Ewropa magħquda li tipprevjeni aktar kunflitt bejn il-pajjiżi Ewropej. Il-pjan ta’ Schuman witta t-triq biex din il-viżjoni ssir realtà.
Il-pjan, żviluppat b’kooperazzjoni ma’ Jean Monnet, kien ibbażat fuq żewġ prinċipji ewlenin — il-paċi u s-solidarjetà. Dawn kellhom jinkisbu permezz tal-integrazzjoni tal-industriji tal-faħam u l-azzar tal-Ewropa tal-Punent. Għalhekk, fl-1952, inħolqot il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li permezz tagħha l-Ġermanja, Franza, l-Italja, in-Netherlands, il-Belġju u l-Lussemburgu ngħaqdu flimkien biex jmexxu l-industriji tal-faħam u l-azzar tagħhom taħt ġestjoni komuni.
Fid-deċennji li segwew, din il-kooperazzjoni espandiet għal ħafna oqsma oħra u s-sitt membri fundaturi tal-Komunità tal-Faħam u l-Azzar espandew għas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea moderna.
Matul dan iż-żmien, rajna l-waqgħa tal-komuniżmu u tad-dittatorjati fil-kontinent tagħna u l-bini u l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin. U rajna wħud mill-akbar kisbiet tal-UE, mit-twaqqif tas-Suq Uniku sa Erasmus u minn Schengen sal-Euro. Illum, qed infakkru dan l-anniversarju speċjali u dak kollu li ksibna u bnejna flimkien, u aktar.
Sabiex jiċċelebraw Jum l-Ewropa, l-istituzzjonijiet Ewropej qed jiftħu l-bibien tagħhom għaċ-ċittadini kollha u se jorganizzaw varjetà ta’ attivitajiet online u fuq il-post fi Brussell, Strasburgu u l-Lussemburgu. Ingħaqad maċ-ċelebrazzjonijiet! L-attivitajiet kollha huma bla ħlas, u m’għandekx għalfejn tirreġistra għalihom.
Għal aktar informazzjoni
Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Ewropa 2025 tal-Kummissjoni Ewropea
Robert Schuman: l-arkitett tal-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea
- Data tal-pubblikazzjoni
- 9 Mejju 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Aħbarijiet relatati
Fid-9 ta’ Mejju niċċelebraw Jum l-Ewropa. Dan ifakkar l-anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, li fiha l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż Robert Schuman ippropona l-ħolqien ta’ Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Din il-proposta mmarkat l-ewwel pass lejn integrazzjoni Ewropea.
President von der Leyen issued a statement marking 30 years since the Srebrenica genocide, one of the darkest chapters in Europe's collective memory.
Our European flag is turning 40 in June 2025. Find out about the history, design and meaning of this powerful symbol of unity, democracy, and peace.
Presenting the research topics proposed under the work programme 2022 of the Horizon Europe Cluster 2, Culture, Creativity and Inclusive Society