Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Il-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u l-Messiku

Ċifri ewlenin

Il-Messiku huwa t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE fl-Amerka Latina.

  • €207 biljun
    L-investiment tal-UE fil-Messiku għall-2024, jiġifieri 28% tal-investiment barrani Messikan
  • aktar minn 11,000
    Il-kumpaniji tal-UE fil-Messiku, li joħolqu 5.5 miljun impjieg
  • aktar minn 45,000
    Il-kumpaniji tal-UE jesportaw lejn il-Messiku

Il-benefiċċji għas-settur agroalimentari tal-UE

Fl-2025, il-Messiku importa prodotti agroalimentari tal-UE b’valur ta’ €2.5 biljun. Hi t-tieni l-akbar importatur ta’ prodotti bħal dawn fl-Amerka Latina. 

Il-Ftehimiet il-ġodda tal-UE mal-Messiku

  • ineħħu 95% tat-tariffi għoljin Messikani, u jżidu l-aċċess fis-suq għall-esportazzjonijiet agroalimentari lejn il-Messiku
  • jipproteġu 568 Indikazzjoni Ġeografika tal-UE, u permezz tagħhom fil-Messiku hu illegali li jinbiegħu imitazzjonijiet ta’ prodotti tal-ikel u tax-xorb distintivi minn reġjuni speċifiċi fl-UE

Esportazzjonijiet ta’ ikel u xorb tal-UE lejn il-Messiku

  • L-importazzjonijiet kollha mill-Messiku jridu jissodisfaw ir-regoli eżistenti tal-UE dwar is-sikurezza tal-konsumatur, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, is-sikurezza alimentari u l-organiżmi ġenetikament modifikati.
  • Iż-żewġ naħat qablu li jirrikonoxxu l-annimali bħala esseri sensibbli (kif diġà tagħmel il-liġi tal-UE), u li jtejbu l-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar il-benesseri tal-annimali.

Opportunitajiet għan-negozji tal-UE

Il-Ftehim kummerċjali joħloq opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji tal-UE fil-Messiku f’setturi ewlenin bħall-finanzi, it-telekomunikazzjoni, it-trasport u l-kummerċ diġitali. Iħeġġeġ l-investimenti u jappoġġa t-tkabbir billi

  • jagħmilha eħfef biex il-kumpaniji tal-UE jagħmlu offerti għal kuntratti tal-gvern, jinvestu u jipprovdu servizzi fil-Messiku
  • jissimplifika r-regoli, speċjalment għan-negozji ż-żgħar
  • jipproteġi lill-investituri minn trattament inġust mill-gvernijiet
  • ineħħi l-ostakli għall-kummerċ diġitali

L-iżgurar tal-materja prima kritika

Il-Ftehimiet bejn l-UE u l-Messiku jiżguraw kummerċ ġust u investiment fil-materja prima billi

  • jtejbu l-aċċess għas-suq
  • jeliminaw ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, inkluż id-dazji fuq l-importazzjoni, li jsarrfu fi prodotti orħos
  • jipprojbixxu l-monopolji tal-esportazzjoni u l-interventi mhux ġustifikati tal-gvern fuq il-prezzijiet
  • jipprojbixxu l-ipprezzar doppju jew l-ipprezzar tal-esportazzjoni, fejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni jkunu ogħla mill-prezzijiet domestiċi

It-tisħiħ tal-kummerċ sostenibbli

L-UE u l-Messiku huma allinjati dwar il-kwistjonijiet globali ewlenin, inkluż id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u l-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent.

Il-Ftehimiet il-ġodda jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli billi

  • jintroduċu impenji legalment vinkolanti dwar il-protezzjoni ambjentali u d-drittijiet tax-xogħol
  • iħeġġu lill-kumpaniji biex joperaw b’mod responabbli
  • jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli tas-sajd u l-foresti
  • jagħtu l-awtorità lis-soċjetà ċivili biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet permezz ta’ gruppi konsultattivi u forum tas-soċjetà ċivili

Dawn l-impenji kollha huma infurzabbli permezz ta’ proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim minn bordijiet indipendenti ta’ esperti, b’kumitat speċifiku li għandu jiġi stabbilit biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika.

Il-Ftehimiet fihom ukoll dikjarazzjoni konġunta dwar il-kummerċ, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ fil-pożizzjoni ekonomika tan-nisa.

Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Il-Ftehimiet itejbu l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tal-UE billi jipproteġu xogħol l-artisti tal-UE, pereżempju hu illegali fil-Messiku li jsiru kopji mhux awtorizzati ta’ xogħolhom jew li jintuża mingħajr ma jitħallsu r-royalties.

Fl-aħħar nett, il-Ftehimiet jinkludu wkoll miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi

  • t-tixħim isir reat kriminali għall-uffiċjali tal-gvern
  • jsaħħu l-kontrolli interni, l-awditjar estern u r-rapportar finanzjarju
  • jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus

Kuntest

L-UE u l-Messiku bdew in-negozjati għal Ftehim globali modernizzat fl-2016. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess f’Jannar 2025. 

Waqt it-tmien Summit bejn l-UE u l-Messiku f’Mejju 2026, l-UE u l-Messiku ffirmaw il-Ftehim globali modernizzat u l-Ftehim kummerċjali interim.

Il-passi li jmiss

Wara l-iffirmar tal-Ftehim globali modernizzat u tal-Ftehim kummerċjali interim, l-UE u l-Messiku se jsegwu l-proċeduri rispettivi tagħhom biex jirratifikaw il-Ftehimiet. 

Min-naħa tal-UE, dan ifisser li l-Ftehim globali modernizzat hu soġġett għal ratifika mill-Istati Membri kollha, skont il-proċeduri nazzjonali tagħhom. 

Il-Ftehim kummerċjali interim segwa l-proċess ta’ ratifika tal-UE biss peress li jaqa’ taħt il-kompetenzi esklużivi tal-UE. Wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill ikkonkluda formalment il-proċess intern tal-UE f’Lulju 2026. Il-Ftehim kummerċjali interim se jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-UE u l-Messiku jkunu nformaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom. Il-Messiku mistenni jikkonkludi l-proċess ta’ ratifika interna wara s-sajf.

Il-Ftehim kummerċjali interim jiskadi ladarba jidħol fis-seħħ il-Ftehim globali modernizzat.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 14 Lulju 2026