Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

40 sena flimkien

Kif il-Portugall biddel lill-UE

Bil-Portugall fil-qalba tagħha, l-Unjoni Ewropea hija komunità aktar b’saħħitha mibnija fuq il-fiduċja, il-progress u s-solidarjetà. Il-Portugall kellu rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-koeżjoni u tal-firxa globali tal-Ewropa, billi għen fid-definizzjoni tat-Trattat ta’ Liżbona, u ġab enerġija ġdida fis-sħubijiet tagħna mal-Afrika u l-Amerka Latina. L-impenn sod tiegħu għall-valuri Ewropej — id-demokrazija, is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali — ikompli jispira l-proġett Ewropew.

Kif is-sħubija fl-UE biddlet lill-Portugall

’Il fuq minn 55,000
student Portugiż u Portugiża tal-edukazzjoni terzjarja marru f’universitajiet madwar l-UE bis-saħħa tal-Erasmus+ bejn l-2021 u l-2024
Kważi 200,000
bidwi Portugiż jirċievu appoġġ vitali permezz tal-politika agrikola tal-UE kull sena
131 %
żieda fil-PDG reali tal-Portugall sa minn meta ssieħeb fl-UE

Fatti u ċifri ewlenin

  • Fil-Portugall, in-nies esperjenzaw il-benefiċċji ta’ aktar tkabbir ekonomiku fil-ħajja tagħhom, u l-għadd ta’ impjiegi żdied minn 4 miljun fl-1986 għal 4.8 miljun fl-2024.
  • Is-sħubija fl-UE approfondiet ir-rabtiet kummerċjali tal-Portugall madwar id-dinja. L-esportazzjoni globali tal-merkanzija kibret minn €2.8 biljun fl-1986 (7.3 % tal-PDG) għal €21.6 biljun fl-2024 (7.6 % tal-PDG).
  • Mill-1986 ’l hawn, ir-riċerkaturi Portugiżi rċevew kważi €3 biljun f’finanzjament ta’ Orizzont Ewropa, li jippermetti lil aktar minn 7,000 riċerkatur Portugiż iwettqu proġetti b’benefiċċji diretti għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa.

Stejjer ta’ suċċess

  • Il-bini ta’ sistemi tal-ħżin tal-enerġija aktar ekoloġiċi

    Bis-saħħa tal-appoġġ tal-UE, l-Azores qed iżid l-użu tiegħu tal-enerġija rinnovabbli billi qed jibni sistemi ġodda tal-ħżin tal-enerġija fl-akbar gżejjer. Dawn il-faċilitajiet jippermettu lir-reġjun jaħżen enerġija nadifa żejda (solari u eolika), sabiex tkun tista’ tintuża meta d-domanda tkun għolja jew meta l-produzzjoni tkun baxxa. Dan huwa pass kbir biex il-gżejjer isiru aktar awtosuffiċjenti u sostenibbli. Il-proġett juri wkoll l-importanza tal-innovazzjoni, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati lokali, u l-allinjament mal-miri klimatiċi tal-UE.

  • Soluzzjonijiet innovattivi għat-tnaqqis tat-tniġġis mill-plastik

    Permezz tal-Proġett SeaFilm, l-Università Politeknika tal-Portugall ta’ Leiria qed tiżviluppa mod ġdid biex tippakkja l-ħut iffriżat bl-użu ta’ borża bijodegradabbli u li tittiekel magħmula mill-alka u mill-estratti tal-alka. L-għan huwa li l-borża tal-plastik li tintuża darba biss tiġi sostitwita b’alternattiva aktar sostenibbli li tippreserva l-kwalità għal aktar żmien. Din hija inizjattiva promettenti, li l-Portugall qed iwassal għall-ġlieda kontra t-tniġġis mill-plastik fl-Ewropa.

  • Nikkollegaw l-Ewropa

    Mill-2007 ’l hawn, l-UE għenet biex tiffinanzja aktar minn 350 proġett tat-trasport madwar il-Portugall, inklużi konnessjonijiet ferrovjarji ta’ veloċità għolja ma’ Spanja. Investimenti kbar bħal-linja ferrovjarja ta’ veloċità għolja bejn Liżbona u Porto jew bħas-sezzjoni ferrovjarja Bergara-San Sebastian-Bayonne tar-Rotta tal-Atlantiku, li tgħaqqad lill-Portugall, lil Spanja, lil Franza u lill-Ġermanja, qed jagħmlu l-ivvjaġġar aktar rapidu, aktar ekoloġiku u aktar effiċjenti. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni Ewropea approvat pjanijiet biex titlesta konnessjoni ta’ veloċità għolja bejn Madrid u Liżbona –– din se titlesta fl-2034.

  • European Module Exercise (EU MODEX) in Portugal
    Is-solidarjetà tal-Portugall bil-fatti

    Il-Portugall ħadem mill-qrib ma’ Stati Membri oħra tal-UE biex jimmobilizza l-assistenza ta’ emerġenza permezz tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili sa mit-twaqqif tiegħu fl-2001. Mill-2016 ’l hawn, il-Portugall attiva l-mekkaniżmu 14-il darba, b’mod partikolari matul l-istaġuni reċenti tan-nirien forestali. F’Settembru 2024, diversi pajjiżi tal-UE bagħtu total ta’ 11-il ajruplan tat-tifi tan-nar biex jassistu lill-Portugall.