
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pakkett dwar is-sovranità teknoloġika Ewropea, sett ta’ miżuri biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE fis-semikondutturi, fl-intelliġenza artifiċjali (IA), fil-cloud u fis-sors miftuħ. Dan se jgħin lill-Ewropa ssir pijuniera fl-IA, issaħħaħ l-awtonomija diġitali tagħha, u tipprovdi futur diġitali aktar sostenibbli.
Il-pakkett jiffoka fuq erba’ oqsma ewlenin, jiġifieri li:
- jiżgura l-bażi tas-semikondutturi għall-ambizzjoni tal-Ewropa fir-rigward tal-IA – l-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 se jgħinha tibni kapaċità f’teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati, tixpruna l-provvista u d-domanda, u tappoġġa l-investiment,
- jaħtaf il-potenzjal tal-kapaċità tal-cloud u tal-IA tal-Ewropa – l-Att dwar l-iżvilupp tal-cloud u tal-IA se jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni f’teknoloġiji sostenibbli mill-aktar avvanzati, jissimplifika l-kundizzjonijiet għall-użu taċ-ċentri tad-data madwar l-UE, u jintroduċi qafas uniku għall-UE kollha biex tiġi vvalutata s-sovranità tal-cloud u tal-IA,
- isaħħaħ l-awtonomija diġitali permezz ta’ sors miftuħ – l-istrateġija ta’ sors miftuħ se żżid l-alternattivi ta’ sors miftuħ f’oqsma ta’ prijorità, tinvesti fil-ħiliet, fin-negozji ġodda u fl-infrastruttura diġitali, u tappoġġa aktar użu tas-sors miftuħ fl-amministrazzjonijiet pubbliċi, u
- jiddiġitalizza s-sistema tal-enerġija tal-Ewropa, filwaqt li jiżgura diġitalizzazzjoni sostenibbli – il-pjan direzzjonali strateġiku għad-diġitalizzazzjoni u l-IA fis-settur tal-enerġija se jiżgura li ċ-ċentri tad-data jiġu integrati fis-sistema tal-enerġija tagħna, titħaffef l-introduzzjoni tas-soluzzjonijiet diġitali u tal-IA, u jinbnew mudelli tal-IA sovrani u siguri għas-settur tal-enerġija.
Permezz ta’ dawn il-miżuri, l-Ewropa tkun tista’ ssir kontinent tal-IA, jiġifieri pijuniera dinjija fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-adozzjoni tal-intelliġenza artifiċjali. Dan il-pakkett ġdid iħaffef din l-ambizzjoni, u jipproteġi l-indipendenza diġitali tal-Ewropa. Il-pakkett dwar is-sovranità teknoloġika jibni fuq inizjattivi eżistenti bħall-Boxxla għall-Kompetittività u l-Istrateġija tas-Sigurtà Ekonomika u jikkomplementahom.
Għal iktar informazzjoni
Skeda informattiva dwar il-pakkett tas-sovranità teknoloġika
- Data tal-pubblikazzjoni
- 3 Ġunju 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni