L-Unjoni Ewropea tista’ ssir mexxejja globali fl-intelliġenza artifiċjali (IA) u tippromwovi l-iżvilupp u l-użu ta’ soluzzjonijiet tal-IA li jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà u għall-ekonomija. Il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan ta’ azzjoni għal kontinent tal-IA biex il-qawwiet tal-UE, bħat-talent uniku u l-industriji tradizzjonali b’saħħithom, jinbidlu f’aċċelleraturi tal-IA.
Il-pjan ta’ azzjoni għal kontinent tal-IA jispjega kif jista’ jiġi sfruttat il-potenzjal li għadu mhux sfruttat tar-riċerkaturi u tal-industriji tagħna. L-għan tiegħu hu li jsawwar il-fażi li jmiss tal-iżvilupp tal-IA, jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, u jsaħħaħ il-kompetittività tagħna f’oqsma bħall-kura tas-saħħa, il-karozzi, ix-xjenza u aktar.

Verżjoni testwali
- €200 biljun biex tingħata spinta lill-iżvilupp tal-IA fl-Ewropa
- €20 biljun biex jiġu ffinanzjati sa ħames gigafabbriki tal-IA
- 19-il fabbrika tal-IA se jappoġġaw lin-negozji ġodda, lill-industrija u lill-attivitajiet tar-riċerka
Azzjonijiet ewlenin tal-pjan ta’ azzjoni għal kontinent tal-IA
Filwaqt li jibni fuq it-tnedija tal-inizjattiva InvestAI li se timmobilizza €200 biljun għall-investiment fl-IA fl-UE, il-pjan ta’ azzjoni għal kontinent tal-IA għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-IA tagħna, billi jippromwovi inizjattivi f’ħames oqsma ewlenin.
Nibnu infrastruttura tal-computing tal-IA fuq skala kbira
Il-mudelli avvanzati tal-IA jeħtieġu investiment, infrastruttura u kollaborazzjoni. Il-pjan tagħna se jiġbor flimkien l-elementi meħtieġa biex jgħin lin-negozji Ewropej jeċċellaw fl-IA permezz
- tal-istabbiliment ta’ mill-inqas 19-il fabbrika tal-IA fl-Ewropa kollha, bl-użu tan-network tagħna tas-supercomputing fost l-aqwa fid-dinja. Dawn il-fabbriki se jappoġġaw lin-negozji ġodda, lill-industrija u lir-riċerkaturi biex jiżviluppaw mudelli u applikazzjonijiet avvanzati tal-IA
- tal-istabbiliment sa 5 gigafabbriki tal-IA, faċilitajiet fuq skala kbira b’qawwa komputazzjonali massiva u ċentri tad-data. Dawn se jippermettu t-taħriġ ta’ mudelli kumplessi tal-IA fuq skala bla preċedent. Din l-inizjattiva teħtieġ kemm investiment pubbliku kif ukoll privat u se tiżgura t-tmexxija tal-UE fl-IA mill-aktar avvanzata
- tal-Faċilità InvestAI li l-għan tagħha hu li timmobilizza €20 biljun biex jiġi xprunat l-investiment privat fil-gigafabbriki
- tal-proposta tal-att dwar l-iżvilupp tal-cloud u tal-IA li se jagħti spinta lill-investiment privat fil-cloud u fiċ-ċentri tad-data. L-għan huwa li fil-ħames jew fis-seba’ snin li ġejjin, il-kapaċità taċ-ċentri tad-data tal-UE tikber mill-inqas tliet darbiet bi prijorità liċ-ċentri tad-data sostenibbli.
Inżidu l-aċċess għal data ta’ kwalità għolja
Settijiet tad-data kbar u ta’ kwalità għolja huma essenzjali biex jiġu żviluppati u mħarrġa mudelli avvanzati tal-IA. Se noħolqu l-kundizzjonijiet għal suq uniku għad-data permezz
- tal-istrateġija għal Unjoni Ewropea tad-data, li se trawwem suq intern reali għad-data, li jippermetti t-tkabbir tal-iżvilupp tal-IA fl-UE kollha
- tal-laboratorji tad-data fil-fabbriki tal-IA biex tinġabar u tiġi organizzata data ta’ kwalità għolja minn sorsi diversi. Dan se jagħti lir-riċerkaturi u lill-iżviluppaturi l-għodod li jeħtieġu għall-innovazzjoni.
Nippromwovu l-IA fis-setturi strateġiċi
Bħalissa, 13.5 % biss tal-kumpaniji tal-UE jużaw l-IA. Biex jitnaqqas dan id-distakk, il-Kummissjoni nediet l-istrateġija għall-applikazzjoni tal-IA. Din l-istrateġija qiegħda
- tagħti spinta lill-adozzjoni tal-IA, b’mod partikolari fost l-SMEs u l-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja
- tiffaċilita l-integrazzjoni tal-IA biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industriji strateġiċi
- tisfrutta l-benefiċċji soċjetali usa’ tal-IA
- issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-UE u tikseb eċċellenza fl-IA mill-aktar avvanzata.
Insaħħu l-ħiliet u t-talenti fl-IA
Biex nilħqu d-domanda dejjem akbar għat-talent fl-IA, se
- nedukaw u nħarrġu lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ esperti tal-IA bbażati fl-UE
- ninċentivaw it-talent Ewropew fl-IA biex inżommuh u nġibuh lura fl-UE
- nattiraw u nżommu t-talent bil-ħiliet fl-IA minn pajjiżi mhux tal-UE, fosthom ir-riċerkaturi.
Nissimplifikaw l-implimentazzjoni tal-att dwar l-IA
Il-Kummissjoni qed tappoġġa lill-kumpaniji u lill-pajjiżi tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Att dwar l-IA. Għal dan l-għan, diġà ppubblikat linji gwida dwar prattiki pprojbiti tal-IA u qed tgħin fl-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ prattika. Is-Servizz Desk tal-Att dwar l-IA jservi bħala ċentru ċentrali, u jipprovdi informazzjoni rilevanti biex jgħin lill-partijiet ikkonċernati jiddeterminaw jekk jaqgħux taħt obbligi legali speċifiċi.
Din il-paġna ġiet rieżaminata l-aħħar: 10 April 2026