Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Il-pakkett tas-semestru tar-rebbiegħa: norjentaw l-ekonomiji tal-UE lejn kompetittività akbar

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 3 Ġunju 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari

 

It-tensjonijiet globali li qed jiżdiedu, ir-riskji akbar għas-sigurtà, il-kwistjonijiet marbutin mat-tibdil fil-klima, il-prezzijiet volatili tal-enerġija, u l-pressjonijiet tal-għoli tal-ħajja qed jitfgħu piż kbir fuq l-ekonomija tal-Ewropa. Dawn il-pressjonijiet qed jaffettwaw ukoll lill-familji u lin-negozji. B’reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet gwida politika għall-pajjiżi tal-UE biex tgħinhom jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-kompetittività tal-UE. Il-gwida torjenta wkoll lill-pajjiżi tal-UE fit-triq lejn aktar awtonomija strateġika, reżiljenza ekonomika u soċjali, u koeżjoni, filwaqt li tinżamm is-sostenibbiltà fiskali. 

Ir-rapporti tal-pajjiżi 

Fir-rapporti tal-pajjiżi għal din is-sena, il-Kummissjoni tanalizza l-iżviluppi ekonomiċi u soċjali f’kull pajjiż tal-UE u tivvaluta sa liema punt qed jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li ġew adottati fl-2025. Skont xi rriżultalha, qed tagħmel rakkomandazzjonijiet immirati lill-pajjiżi tal-UE biex jieħdu azzjoni f’ċerti oqsma ta’ politika, bħal 

— li jnaqqsu l-ostakli għas-suq uniku 

— li jagħtu spinta lill-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp 

— li jippromwovu l-pensjonijiet fl-iskemi supplimentari tal-pensjoni 

— li jippromwovi impjiegi ta’ kwalità 

— li jikkumbattu l-faqar 

— li jiżguraw prezzijiet raġonevoli għall-akkomodazzjoni 

— li jħaffu t-tranżizzjoni lejn enerġija ekoloġika bi prezzijiet raġonevoli 

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-progress li l-pajjiżi kkonċernati tal-UE għamlu fit-twettiq tal-pjanijiet fiskali strutturali tagħhom fuq terminu medju u l-eżistenza ta’ żbilanċi makroekonomiċi għas-seba’ pajjiżi tal-UE li ntgħażlu għal analiżijiet fil-fond fir-rapport tal-2026 dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija

Barra minn hekk, fir-rapporti tas-sorveljanza ta’ wara l-programm, il-Kummissjoni vvalutat is-sitwazzjoni ekonomika, fiskali, u finanzjarja tal-pajjiżi tal-UE li bbenefikaw minn programmi ta’ assistenza finanzjarja, u ffukat fuq il-kapaċità tagħhom li jħallsu lura. 

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġu aġġornati l-linji gwida dwar l-impjiegi biex jiġu stabbiliti prijoritajiet komuni għall-politiki nazzjonali soċjali u dwar l-impjiegi sabiex dawn isiru aktar ġusti u aktar inklużivi. Dawn ikopru elementi ġodda ffukati fuq it-titjib tal-kwalità tal-impjiegi kif ukoll l-investiment fil-kapital uman, billi jissaħħu l-ħiliet u l-edukazzjoni

It-twettiq ta’ dawn il-prijoritajiet jitlob riformi u investiment ma jaqtgħu xejn fl-UE kollha kemm hi. F’dan il-kuntest, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Politika ta’ Koeżjoni, u strumenti oħrajn ta’ finanzjament tal-UE għad għandhom rwol ċentrali fl-appoġġ tal-isforzi ta’ riforma u l-investimenti strateġiċi tal-pajjiżi tal-UE. 

Il-Grupp tal-Euro u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropa issa se jiddiskutu d-dokumenti ppreżentati fil-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew 2026, bil-ħsieb li japprovaw il-gwida offruta. 

Iktar informazzjoni 

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew 2026 

Il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew 2026 — Dokumenti 

Is-Semestru Ewropew 

Il-paġni tal-pajjiżi — L-Ekonomija u l-Finanzi — Il-Kummissjoni Ewropea 

Stqarrija għall-istampa: Il-Pakkett tas-Semestru tar-Rebbiegħa 2026 jippreżenta pjan direzzjonali għall-avvanz tar-reżiljenza ekonomika u l-koeżjoni soċjali madwar l-UE

 

Data tal-pubblikazzjoni
3 Ġunju 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni