
Il-Kummissjoni qed tfassal it-triq biex jintlaħaq l-għan li l-Unjoni Ewropea ssir newtrali għall-klima sal-2050. Hi tirrakkomanda tnaqqis nett ta’ 90% fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2040 meta mqabbel mal-livelli tal-1990, li huwa konformi mal-parir xjentifiku reċenti u mal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi.
L-azzjonijiet li ġejjin se jkunu meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ 90% sal-2040:
- jiġu implimentati bis-sħiħ il-liġijiet eżistenti tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b’mill-inqas 55% sal-2030
- tiġi ddekarbonizzata l-industrija billi sserraħ fuq qawwiet eżistenti bħall-enerġija mir-riħ, l-enerġija idroelettrika, u l-elettrolizzaturi. Biex iżżid din il-linja ta’ ħidma, il-Kummissjoni ressqet miżuri ġodda għall-ġestjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-industrija fl-UE li se jaraw investiment f’teknoloġiji li jistgħu jaqbdu u jaħżnu l-karbonju, u jużawh mill-ġdid
- tiżdied il-manifattura domestika f’setturi tat-tkabbir bħall-batteriji, il-vetturi elettriċi, il-pompi tas-sħana, iċ-ċelloli solari u oħrajn
- jinżammu il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-politiki soċjali fil-qalba tat-tranżizzjoni, biex tingħata għajnuna liċ-ċittadini, lir-reġjuni, lin-negozji u lill-ħaddiema vulnerabbli permezz ta’ għodod bħall-Fond Soċjali għall-Klima u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta
- ikun hemm djalogu miftuħ ma’ dawk kollha kkonċernati, inklużi l-bdiewa, in-negozji, is-sħab soċjali u ċ-ċittadini
F’dawn l-aħħar ħames snin, it-tibdil fil-klima kkawża madwar €170 biljun ta’ ħsara ekonomika. Il-kostijiet u l-impatti tagħha fuq il-bnedmin qed isiru dejjem aktar kbar u viżibbli. Jeħtieġ li naġixxu issa biex insaħħu r-reżiljenza tal-Ewropa kontra kriżijiet futuri u nkunu inqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. Mira klimatika għall-2040 se tgħin ukoll lill-industrija, lill-investituri, liċ-ċittadini u lill-gvernijiet Ewropej jieħdu deċiżjonijiet f’dan id-deċennju li se jżommu lill-UE fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettiv tagħha tan-newtralità klimatika fl-2050.
Il-mira issa se tiġi diskussa mal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni li jmiss se tressaq proposti leġiżlattivi fuq dik il-bażi. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima qed tikteb f’liġi l-għan stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew biex l-ekonomija u s-soċjetà tal-Ewropa jsiru newtrali għall-klima sal-2050. Il-liġi tiffissa wkoll mira intermedjarja għat-tnaqqis net tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’tal-anqas 55% sal-2030, imqabbel mal-livelli fl-1990.
Għal iktar informazzjoni
Skeda informattiva: It-triq klimatika tal-Ewropa għall-2040
L-Industrija u l-Patt Ekoloġiku
Skeda informattiva: Strateġija Industrijali tal-UE għall-Ġestjoni tal-Karbonju
- Data tal-pubblikazzjoni
- 6 Frar 2024
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni