Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

OceanEye: Insaħħu l-osservazzjoni u l-protezzjoni tal-oċeani

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 2 Marzu 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari
Fisherman looks out to sea from his boat

 

L-oċean hu essenzjali għall-ħajja fuq din il-pjaneta. Madankollu għandu ħafna aktar pressjoni minn qatt qabel, fost l-oħrajn minħabba t-tibdil fil-klima, it-tniġġis u s-sajd illegali. Aktar ma jkollna informazzjoni dwar l-oċeani, aktar inkun nistgħu nissalvagwardjaw il-wirt naturali vast tiegħu u nipproteġu lill-oċeani u lilna nfusna.

Fil-Jiem Ewropej dwar l-Oċeani tal-2026, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, ħabbret it-tnedija ta’ inizjattiva Ewropea għall-monitoraġġ u l-osservazzjoni tal-oċeani bl-isem OceanEye, li se twaqqaf il-pedament għal osservazzjoni tal-oċeani aktar intelliġenti u aktar effettiva. Fl-istess ħin, appellat għal alleanza internazzjonali biex il-pajjiżi tal-UE u s-sħab internazzjonali jingħaqdu flimkien fl-isforzi ħalli jiżguraw il-finanzjament u jipprovdu qafas għal azzjoni koordinata u kooperazzjoni. L-UE se tipprovdi €50 miljun minn Orizzont Ewropa lill-alleanza internazzjonali għall-2026-2027.

L-osservazzjoni tal-oċeani hi kruċjali. Dan għaliex permezz tagħha nkunu nistgħu

  • niġbru d-data meħtieġa biex nifhmu l-istat tal-oċeani
  • inbassru u nimmitigaw l-impatti tat-tibdil fil-klima
  • insaħħu l-kompetittività tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha fuq il-baħar
  • nagħtu l-kontribut tagħna għas-sigurtà marittima.

B’dan il-mod, OceanEye se tappoġġa t-teknoloġija u l-innovazzjoni tal-UE b’rabta mal-oċeani, u se tqiegħed lill-UE fuq quddiem nett tal-isforzi internazzjonali biex ikollna sistema globali sostnuta ta’ osservazzjoni tal-oċeani. Hija element essenzjali tal-Patt Ewropew għall-Oċeani u se tinkludi wkoll dimensjonijiet edukattivi, kulturali u ta’ sensibilizzazzjoni biex l-oċeani u l-osservazzjoni tal-oċeani jitqarrbu lejn iċ-ċittadini.

L-inizjattiva OceanEye se tiġi ppreżentata formalment mill-Kummissjoni aktar tard fl-2026, filwaqt li avveniment b’appell għall-wegħdiet għal alleanza internazzjoni se jiġi organizzat f’Settembru. B’dan il-mod, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettiv li jkun hemm sistema Ewropea ta’ osservazzjoni tal-oċeani kompletament operattiva sal-2030.

Għal aktar tagħrif

Stqarrija għall-istampa – Il-President von der Leyen tniedi OceanEye u tappella għal alleanza internazzjonali biex jissaħħu l-osservazzjoni u l-protezzjoni globali tal-oċeani

Diskors tal-President von der Leyen waqt il-Jiem Ewropej tal-Oċeani 

Nipproteġu l-oċeani flimkien

Data tal-pubblikazzjoni
2 Marzu 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni