
Il-Kummissjoni pproponiet diversi inizjattivi ġodda biex issaħħaħ is-sigurtà ekonomika tal-UE u tagħti spinta lill-kompetittività.
Approċċ strateġiku biex insaħħu s-sigurtà ekonomika tal-Ewropa
L-approċċ il-ġdid jippreżenta passi konkreti biex lill-UE nsaħħuha u nagħmluha aktar reżiljenti fid-dawl tat-theddid ekonomiku estern li qed jikber, filwaqt li mmantnu l-ftuħ u l-impenn għall-kummerċ u investiment internazzjonali. Biex tikkonsolida s-sigurtà ekonomika tagħha, l-UE għandha l-ħsieb li tieħu vantaġġ mill-istrumenti eżistenti irrispettivament mill-iskop oriġinali tagħhom u li tuża s-sett ta’ għodod tagħha b’mod aktar proattiv meta jkun meħtieġ.
L-azzjonijiet prinċipali jinkludu
- approċċ aktar proattiv u mmirat li jiffoka fuq sitt oqsma prijoritarji ta’ riskju għoli
- użu kkoordinat u strateġiku tal-għodod biex tittejjeb l-azzjoni tal-UE
- titjib tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni biex jiġi żgurat intervent f’waqtu u effettiv
- it-tlestija tas-sett ta’ għodod tal-UE għas-sigurtà ekonomika b’għodod ġodda, bħar-RESourceEU, biex jiġu indirizzati l-lakuni attwali
- il-kooperazzjoni internazzjonali ma’ sħab fdati, biex nippromwovu standards komuni tas-sigurtà ekonomika u nindirizzaw l-isfidi ewlenin flimkien
Pjan ta’ azzjoni tar-RESourceEU biex niggarantixxu l-materja prima, innaqqsu d-dipendenzi, u nagħtu spinta lill-kompetittività
Fuq il-bażi tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika, il-pjan ta’ azzjoni tar-RESourceEU għandu l-għan li jaċċellera u jamplifika l-isforzi biex tiġi ggarantita l-provvista tal-UE ta’ materja prima kritika għal setturi industrijali ewlenin u l-ktajjen tal-valur tal-UE jitħarsu minn tfixkil fil-provvista. Jinkludi setturi bħal dak awtomobilistiku, tal-muturi industrijali, tad-difiża, tal-ajruspazju, taċ-ċipep tal-IA, u taċ-ċentri tad-data.
Il-pjan ta’ azzjoni jiffoka fuq
- il-protezzjoni tal-industrija Ewropea mix-xokkijiet ġeopolitiċi u fil-prezzijiet billi jiġi stabbilit Ċentru Ewropew għall-Materja Prima Kritika biex niddiversifikaw u nsaħħu l-ktajjen tal-provvista, bl-użu tal-Pjattaforma tal-Materja Prima biex tiġi aggregata d-domanda, tinxtara b’mod konġunt materja prima strateġika u jiġu konklużi ftehimiet ta’ xiri, u jiġi żviluppat approċċ koordinat tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ materja prima kritika
- il-promozzjoni ta’ proġetti relatati mal-materja prima kritika billi jitnaqqsu r-riskji tal-investimenti u jitħaffef il-ħruġ tal-permessi, passi li jistgħu jnaqqsu d-dipendenzi b’sa 50% sal-2029. Matul it-12-il xahar li ġejjin, €3 biljun f’fondi tal-UE se jiffinanzjaw proġetti li jistgħu jipprovdu provvisti alternattivi fuq terminu qasir
- sħubija ma’ pajjiżi tal-istess fehma biex jissaħħu u jiġu diversifikati l-ktajjen tal-provvista, fuq il-bażi tal-15-il sħubija strateġika eżistenti ma’ pajjiżi għonja fir-riżorsi, filwaqt li ssir ħidma wkoll fuq oqfsa ġodda ta’ investiment
Għal aktar tagħrif
Stqarrija għall-istampa — is-sigurtà ekonomika
Skeda informattiva — is-sigurtà ekonomika
Stqarrija għall-istampa — RESourceEU
- Data tal-pubblikazzjoni
- 3 Diċembru 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni