
Bis-saħħa tal-istrateġija tal-UE dwar is-sajd u l-akkwakultura, se jkollna aċċess għal ħut li mhux ta’ ħsara għal saħħitna, miksub b’mod sostenibbli, u kompletament traċċabbli. B’hekk, fuq il-mejda se jkun jista’ jkollna ħut tajjeb kuljum. Is-sajd u l-akkwakultura huma parti vitali mill-prosperità u s-sigurtà tal-ikel tal-Ewropa, u bejniethom jimpjegaw aktar minn 200,000 persuna. Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet il-viżjoni tagħha għas-sajd u l-akkwakultura għal minn issa sal-2040 biex tappoġġa lis-sajjieda, lill-produtturi tal-akkwakultura, u lill-komunitajiet lokali.
Il-viżjoni tistabbilixxi diversi prijoritajiet ewlenin:
It-tranżizzjoni enerġetika
Sal-2030 se ntejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi, u se niżviluppaw teknoloġiji ġodda. Mill-2030 ’il quddiem, l-isforzi se jiffukaw fuq l-espansjoni tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero, appoġġati minn finanzjament, infrastruttura, u modernizzazzjoni tal-flotot.
L-iżgurar tal-provvista ta’ ikel akkwatiku għall-Ewropa u l-inkoraġġiment lill-konsumaturi biex jagħżlu prodotti akkwatiċi prodotti fl-UE
Il-Kummissjoni se tappoġġa l-investiment fil-bastimenti, fl-innovazzjoni, u fid-diversifikazzjoni tal-introjtu.
Biex tingħata spinta lid-domanda għall-ikel akkwatiku tal-UE, il-Kummissjoni se tappoġġa d-diversifikazzjoni u tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati. Sal-2029 se tkun bdiet tippromwovi wkoll it-traċċabbiltà diġitali għall-prodotti kollha tul il-katina tal-provvista, u b’hekk tgħin biex jissaħħu t-trasparenza, il-fiduċja, u l-valur tas-suq.
Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet li hemm bżonn biex nirnexxu
Sabiex il-Viżjoni ssir realtà, il-Kummissjoni se tniedi inizjattivi mmirati biex:
- jitjieb l-aċċess għall-finanzjament
- jingħata appoġġ lis-sajjieda artiġjanali
- jissaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni sabiex tiġi antiċipata aħjar id-disponibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut fil-ġejjieni
- jiddaħħlu standards armonizzati għat-taħriġ u għaċ-ċertifikazzjoni
- titnieda, fl-2027, strateġija ta’ tiġdid ġenerazzjonali blu, sabiex tgħin biex ġenerazzjonijiet iżgħar jiġu attirati lejn is-settur.
Ħidma fil-livell globali biex nipproteġu s-sostenibbiltà u l-ekwità
Il-Viżjoni tippromwovi s-sajd sostenibbli globalment filwaqt li tgħin biex tiġi żgurata provvista diversifikata u reżiljenti ta’ ikel akkwatiku fl-UE billi:
— nintensifikaw il-ġlieda kontra attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux irrappurtat, u mhux regolat
— insaħħu r-regoli internazzjonali tas-sajd
— nelaboraw ġenerazzjoni ġdida ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli
Se nkomplu niggarantixxu kundizzjonijiet ekwi u nipproteġu l-katina tal-valur tas-sajd Ewropea minn kompetizzjoni globali inġusta.
Il-Viżjoni ġiet żviluppata permezz ta’ proċess parteċipattiv estensiv li inkluda s-sajjieda, il-produtturi tal-akkwakultura, l-industrija tal-ipproċessar tal-ħut, il-pajjiżi tal-UE, l-NGOs, il-kunsilli konsultattivi, iż-żgħażagħ, u ċ-ċittadini.
Għal aktar informazzjoni
Il-Viżjoni 2040 għas-sajd u l-akkwakultura
Skeda informattiva: Il-Viżjoni 2040 għas-sajd u l-akkwakultura
- Data tal-pubblikazzjoni
- 20 Ottubru 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni