Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 25 Lulju 2024
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari

Kif iċ-ċittadini tal-UE jgħinu fit-tiswir tal-liġijiet u l-politika tal-UE

People taking part in the European Citizens' Panel

 

F’Ġunju li għadda, l-Ewropej intalbu jużaw il-vot tagħhom u jeleġġu r-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament Ewropew. Din kienet id-demokrazija fl-azzjoni, iżda mhuwiex l-uniku mod kif iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jsemmgħu leħinhom u jinfluwenzaw il-ħolqien tal-liġijiet tal-UE. Jeżistu wkoll għodod oħra, u dawn jintużaw biex il-pubbliku ġenerali jingħata l-opportunità li joħloq b’mod konġunt il-politiki tal-UE kuljum, mhux biss kull ħames snin.

Tista’ tgħin biex jinbdew proposti ġodda. Jekk tixtieq li l-UE tieħu azzjoni fuq kwistjoni partikolari, tista’ tniedi inizjattiva taċ-ċittadini, biex titlob lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE ġdida dwar dik il-kwistjoni. Tnejn mill-aktar inizjattivi reċenti li l-Kummissjoni rreġistrat jikkonċernaw l-għeluq tal-irziezet tal-annimali u t-tikkettar tal-ikel. Tista’ wkoll tressaq petizzjoni biex titlob lill-Parlament Ewropew jinvestiga kwistjoni li taffettwak, jew tilmenta dwar kif qed tiġi applikata liġi tal-UE.

Imbagħad hemm il-Panels taċ-Ċittadini Ewropej. Dawn ilaqqgħu flimkien ċittadini magħżula b’mod aleatorju mis-27 Stat Membru kollha biex jiddiskutu – fil-livell Ewropew – proposti ewlenin li jmiss li jaffettwawna lkoll. Abbażi tad-diskussjonijiet, iċ-ċittadini jagħmlu rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea trid tikkunsidra meta tiddefinixxi l-politiki u l-inizjattivi.

Il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini min-naħa l-oħra, hija spazju ddedikat għall-involviment u d-dibattitu dwar il-politiki tal-UE li jaffettwawna lkoll. Il-persuni jistgħu jipparteċipaw billi jippowstjaw il-kontributi jew billi jikkummentaw jew japprovaw kontributi ta’ oħrajn. 

Tista’ tirreġistra wkoll fil-portal Semma’ Leħnek u mbagħad taqsam il-fehmiet tiegħek dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni. B’dan il-mod, tista’ tgħin biex tirfina l-ħidma preparatorja dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE fi stadji differenti tal-proċess. Il-pjanijiet direzzjonali, l-abbozzi tal-atti, l-atti proposti u adottati normalment huma miftuħin għal perjodi ta’ feedback ta’ 4 ġimgħat.

Għal aktar informazzjoni

Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Kif tinvolvi ruħek mal-Kummissjoni

Semma’ leħnek

Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
25 Lulju 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni