Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Il-pjan tal-Ewropa biex tagħti spinta lill-provvista tal-fertilizzanti u lis-sigurtà tal-ikel

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 19 Mejju 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari
Tractor spreads fertiliser over a field

 

Il-bdiewa madwar l-Ewropa jinsabu taħt pressjoni dejjem tikber minħabba l-interruzzjonijiet reċenti fil-provvista u l-volatilità tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni ressqet inizjattiva biex tappoġġa lill-bdiewa tagħha kontra ż-żieda fl-ispejjeż u l-iskarsezza tal-fertilizzanti, issaħħaħ il-produzzjoni domestika, u tnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet.

Il-pjan ta’ azzjoni dwar il-fertilizzanti se jgħin biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-ikel billi jappoġġa lill-bdiewa u jtejbilhom l-aċċess għall-fertilizzanti. Speċifikament, il-Kummissjoni se 

  • tagħti sostenn finanzjarju eċċezzjonali
  • tippreżenta skema ġdida ta’ likwidità biex tikkontribwixxi għall-fluss tal-flus
  • tipprovdi inċentivi aktar b’saħħithom għal prattiki tal-biedja aktar effiċjenti
  • tappoġġa lill-bdiewa biex jimmaniġġjaw in-nutrijenti aħjar
  • tipproponi miżuri biex tiffaċilita l-użu tad-diġestati, jiġifieri l-materjal rikk fin-nutrijenti li jifdal mill-iskart organiku (bħal fdalijiet tal-ikel jew demel)

Barra minn hekk, se ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Ewropa, billi tagħti spinta lill-produzzjoni interna u billi tippromwovi l-ekonomija ċirkulari u d-dekarbonizzazzjoni. B’hekk, il-Kummissjoni se

  • tieħu passi biex tappoġġa lill-industrija domestika tal-fertilizzanti
  • tħeġġeġ l-użu ta’ alternattivi Ewropej ta’ fertilizzanti organiċi u b’bażi bijoloġika
  • teżamina l-inċentivi għall-industrija tal-fertilizzanti li jinkoraġġixxu d-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni filwaqt li jżidu l-produzzjoni ta’ fertilizzanti sostenibbli fl-UE, fil-kuntest tar-rieżami imminenti tal-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS)
  • tnaqqas il-burokrazija u ħitan żejda fis-suq u tipproponi miżuri ġodda biex tikber id-domanda għal fertilizzanti sostenibbli prodotti lokalment
  • tiżgura li s-settur tal-fertilizzanti jkollu aċċess ugwali għall-finanzjament għall-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni ekoloġiċi

Fl-aħħar nett, il-pjan se jsaħħaħ it-trasparenza u l-preparatezza tas-suq, filwaqt li jintensifika d-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati. Biex naslu għal dan, il-Kummissjoni se

  • tniedi sħubija tal-UE għall-katina tal-valur tal-fertilizzanti, li tlaqqa’ flimkien il-produtturi tal-fertilizzanti, il-bdiewa, u l-pajjiżi tal-UE
  • issaħħaħ il-kapaċitajiet b’rabta mal-monitoraġġ tas-suq u mat-twissija bikrija, u tipproponi qafas biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ data aġġornata regolari dwar il-fertilizzanti fl-UE
  • tivvaluta l-kumulazzjoni tar-riżervi u opzjonijiet oħrajn biex niggarantixxu l-fertilizzanti u inputs ewlenin sabiex inkunu ppreparati aħjar

Il-fertilizzanti huma essenzjali għall-produttività agrikola, għall-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli, u għas-sigurtà tal-ikel, u jirrappreżentaw parti sinifikanti mill-kostijiet tal-produzzjoni għall-bdiewa. Dan il-pjan ta’ azzjoni jirrappreżenta l-aħħar pass li ħadet il-Kummissjoni biex tagħti lill-bdiewa aċċess affidabbli għal biżżejjed kwantitajiet ta’ fertilizzanti bi prezzijiet raġonevoli, filwaqt li tagħmel lill-Ewropa aktar reżiljenti, kompetittiva, u ekoloġika.

Aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa — Il-Kummissjoni tippreżenta pjan biex tiżgura l-provvista tal-fertilizzanti u s-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa

Niggarantixxu d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ekonomika tal-fertilizzanti fl-UE

Mistoqsijiet u tweġibiet

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
19 Mejju 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni