F’dawn l-aħħar snin, id-diżastri naturali saru aktar frekwenti u severi, u ħallew impatt fuq kull reġjun Ewropew u kkawżaw diżgrazzji u ħsara sinifikanti lill-infrastruttura u lill-ambjent. L-UE għandha rwol kritiku fil-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet għad-diżastri mal-Ewropa kollha u lil hinn minnha, fl-indirizzar ta’ epidemiji, għargħar, maltempati, nirien fil-foresti, terremoti, u diżastri kkawżati mill-bniedem. Id-diżastri m’għandhomx fruntieri u fl-istess ħin jistgħu jolqtu pajjiż wieħed jew aktar mingħajr twissija. Rispons konġunt ikkoordinat tajjeb jiżgura punt uniku ta’ kuntatt matul l-emerġenzi, filwaqt li jtejjeb l-effiċjenza u l-effettività. Fl-2001 ġie stabbilit il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili biex isaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE u 10 stati parteċipanti dwar il-protezzjoni ċivili, it-titjib tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri.Meta sseħħ emerġenza, kwalunkwe pajjiż jista’ jitlob assistenza permezz taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC). Dan iċ-Ċentru, li jopera 24 siegħa kuljum, jimmonitorja l-avvenimenti globali u jiżgura l-implimentazzjoni rapida ta’ appoġġ ta’ emerġenza permezz ta’ rabtiet diretti mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili. Timijiet u tagħmir speċjalizzati, bħal ajruplani tat-tifi tan-nar, tiftix u salvataġġ, kif ukoll timijiet mediċi, jistgħu jiġu mobilizzati malajr għal missjonijiet fl-Ewropa u barra minnha. Dan l-approċċ jiġbor flimkien l-għarfien espert u r-riżorsi ta’ min jagħti l-ewwel rispons, jevita d-duplikazzjoni tal-isforzi, u jiżgura t-twassil rapidu tal-għajnuna.Biex jippjana r-rispons, l-ERCC jista’ jiddependi fuq is-Servizz ta’ Ġestjoni tal-Emerġenzi ta’ Copernicus (EMS), li jipprovdi informazzjoni ġeospazjali f’waqtha u preċiża għall-ippjanar ta’ operazzjonijiet ta’ għajnuna f’każ ta’ diżastru. Dan jindirizza diversi tipi ta’ diżastri u jappoġġja l-isforzi ta’ prevenzjoni, tħejjija, rispons u rkupru.rescEU, iffinanzjata bis-sħiħ mill-UE u ospitata mill-pajjiżi tal-UE, tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni tad-diżastri u timmaniġġja r-riskji emerġenti. Din ir-riżerva ta’ kapaċitajiet Ewropej tinkludi ajruplani tat-tifi tan-nar, ħelikopters, ajruplani ta’ evakwazzjoni medika, ħażniet ta’ oġġetti mediċi u sptarijiet fuq il-post lesti għal emerġenzi tas-saħħa. Bi tħejjija għall-istaġun tan-nirien fil-foresti tal-2024, l-UE stabbiliet flotta ta’ 32 assi għat-tifi tan-nar mill-ajru u 556 ħaddiem tat-tifi tan-nar mal-Ewropa kollha, minbarra r-riżerva rescEU.Fil-każ ta’ emerġenzi tas-saħħa, il-Korp Mediku Ewropew jikkoordina r-risponsi Ewropej għall-emerġenzi tas-saħħa taħt il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. Mill-2020, l-UE saħħet it-tħejjija medika tagħha permezz tar-rescEU. Dan jinkludi riżervi ta’ oġġetti mediċi u kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Korp Mediku Ewropew għal assistenza medika rapida fl-UE u barra minnha.Għal għajnuna immedjata f’emerġenzi, in-numru tat-telefon Ewropew ta’ emerġenza 112 huwa disponibbli fl-UE kollha, mingħajr ħlas. Meta ċċempel 112 tiġi konness mas-servizzi ta’ emerġenza, inklużi l-ambulanza, il-brigata tat-tifi tan-nar, jew il-pulizija, b’operaturi mħarrġa apposta li jidderieġu t-telefonati lejn is-servizz xieraq.L-approċċ unifikat tal-Ewropa għar-rispons għad-diżastri, permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u rescEU, jagħti eżempju tas-saħħa tal-kollaborazzjoni fil-protezzjoni tal-ħajjiet u l-minimizzazzjoni tal-impatti tad-diżastri.Għal aktar informazzjoniNirien fil-forestiMekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni ĊivilirescEUKorp Mediku EwropewĊentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC)Servizz ta’ Ġestjoni tal-Emerġenzi ta’ Copernicus112: in-numru ta' emerġenza tal-UEL-UE Tipproteġi: Kif l-Ewropa ngħaqdet flimkien biex tiġġieled in-nirien fil-forestiGħajnuna Rapida tal-UE: Kif l-Ewropa tirrispondi għal Diżastri Globali Dettalji Data tal-pubblikazzjoni29 Lulju 2024AwturId-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni