
Il-Kummissjoni pproponiet emenda tal-Liġi tal-UE dwar il-Klima, li tistabbilixxi mira klimatika tal-UE għall-2040 ta’ tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-mira klimatika ġdida se tagħti ċertezza lill-investituri kif ukoll tistimola l-innovazzjoni, issaħħaħ it-tmexxija industrijali tan-negozji tal-UE, u żżid is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa.
Skont stħarriġ reċenti, 85 % tal-Ewropej jemmnu li t-tibdil fil-klima huwa problema serja u 81 % jappoġġaw l-għan tal-UE li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050. L-UE bħalissa tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha li jmiss ta’ tnaqqis ta’ 55 % sal-2030. Il-proposta l-ġdida tibni fuq dan l-għan legalment vinkolanti u tistabbilixxi mod aktar prammatiku u flessibbli biex tintlaħaq il-mira tal-2040.
Il-mira klimatika proposta għall-2040 tqis ix-xenarju ekonomiku, ta’ sigurtà u ġeopolitiku attwali. Tisħaq l-importanza li jiġu aċċellerati u msaħħa l-kundizzjonijiet abilitanti t-tajbin biex tintlaħaq il-mira u hija
- fi qbil mal-Boxxla għall-Kompetittività tal-UE, mal-Patt għal Industrija Nadifa u mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija Affordabbli
- abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt fil-fond u ta’ pariri mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u mill-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima.
Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll Komunikazzjoni dwar it-twettiq tal-ewwel proposti dwar il-Patt għal Industrija Nadifa. Din tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-ewwel azzjonijiet imwettqa, il-progress li sar u l-miżuri li fadal li għad iridu jiġi adottati. L-implimentazzjoni tagħha hija kruċjali lejn il-mira klimatika għall-2040.
Il-proposta tal-Kummissjoni issa se titressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għad-diskussjoni u għall-adozzjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Mira klimatika tal-UE miftiehma fil-ġejjieni se sservi wkoll bħala punt ta’ riferiment għall-qafas ta’ politika tal-UE għal wara l-2030.
Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima daħlet fis-seħħ f’Lulju 2021. Din tnaqqax l-impenn tal-UE fil-leġiżlazzjoni biex tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050.
Għal aktar informazzjoni
Stqarrija għall-istampa: Il-miri tal-Liġi dwar il-Klima tal-2040
Mistoqsijiet u tweġibiet: Il-miri tal-Liġi dwar il-Klima tal-2040
Skeda informattiva: Il-miri tal-Liġi dwar il-Klima tal-2040
Stqarrija għall-istampa: Ewrobarometru
- Data tal-pubblikazzjoni
- 2 Lulju 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni