Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 16 Lulju 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari

Il-baġit tal-UE għall-perjodu 2028-2034, għal Ewropa aktar b’saħħitha

President von der Leyen at the MFF press conference

 

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal baġit fit-tul ambizzjuż u dinamiku tal-UE, l-hekk imsejjaħ Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), li se jkopri seba’ snin mill-2028 ’il quddiem. Kważi €2 triljun, li jfissru 1.26% tal-introjtu nazzjonali gross medju tal-UE bejn l-2028 u l-2034, se jservu ta’ sostenn għall-ambizzjoni tal-Ewropa li, tul id-deċennju li ġej, tkun indipendenti, sikura, prospera, u b’saħħitha.

L-isfidi dejjem jikbru li qed taffronta l-Ewropa fl-oqsma tas-sigurtà, tad-difiża, tal-kompetittività, tal-migrazzjoni, tal-enerġija, u tar-reżiljenza għall-klima jitolbu rispons b’saħħtu u orjentat lejn il-futur. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet li l-baġit tal-UE jitfassal mill-ġdid mill-għeruq. Il-baġit se jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-UE li tikseb ir-riżultati mixtiqin mill-politiki fundamentali tagħha, tindirizza l-prijoritajiet ġodda u emerġenti, u tkompli tagħti s-sostenn lin-nies, lin-negozji, lill-pajjiżi, lir-reġjuni u lis-sħab tal-UE u, fuq kollox, lill-futur kollettiv tal-UE.

Il-karatteristiċi ewlenin tal-baġit il-ġdid tal-UE

  • aktar flessibbiltà fil-baġit kollu kemm hu, sabiex l-Ewropa tkun tista’ taġixxi u tirreaġixxi malajr meta jkun meħtieġ
  • programmi finanzjarji tal-UE aktar sempliċi, simplifikati, u armonizzati biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament
  • baġit imfassal skont l-esiġenzi lokali, bi pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali għal impatt immirat fejn l-aktar li jkun hemm il-ħtieġa
  • spinta lill-kompetittività biex l-Ewropa tiżgura l-ktajjen tal-provvista, ittejjeb l-innovazzjoni, u tkun minn ta’ quddiem fit-teknoloġija nadifa u intelliġenti
  • riżorsi proprji ġodda bbilanċjati li jiggarantixxu dħul adegwat għall-prijoritajiet tagħna filwaqt li jnaqqsu kemm jista’ jkun il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi nazzjonali

Il-baġit fit-tul huwa mfassal biex jiżgura li l-finanzjament tal-UE jkun imnebbaħ mill-prijoritajiet politiċi tal-UE, u jwassal għal riżultati li l-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jiksbuhom waħedhom. Jiffoka fuq:

  • l-investiment fin-nies, u fil-pajjiżi u r-reġjuni tal-UE
  • il-promozzjoni tal-edukazzjoni u tal-valuri demokratiċi
  • l-ixprunar tal-prosperità permezz tal-kompetittività, tar-riċerka, u tal-innovazzjoni
  • il-ħarsien tan-nies u l-iżvilupp tal-preparatezza u tar-reżiljenza biex jiġu ffaċċjati sfidi ġodda
  • il-protezzjoni tal-Ewropa
  • il-ħolqien ta’ sħubijiet biex l-Ewropa tkun aktar b’saħħitha fid-dinja
  • l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda u adegwati għall-ambizzjoni komuni tagħna.

Qabel l-adozzjoni finali, il-proposta se tiġi nnegozjata mal-Parlament Ewropew, li hu elett miċ-ċittadini tal-UE, u mal-Kunsill tal-UE, li jirrappreżenta lill-pajjiżi tal-UE. Għandha tidħol fis-seħħ f’Jannar 2028. 

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Baġit ambizzjuż għal Ewropa aktar b’saħħitha: 2028-2034

Il-Baġit tal-UE għall-perjodu 2028-2034 

Il-baġit tal-Ewropa

Kif jiġi deċiż il-baġit fit-tul tal-UE

Mistoqsijiet u tweġibiet

Il-prijoritajiet tal-Kummissjoni

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
16 Lulju 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni