Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

L-UE tadatta r-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti għall-era diġitali u għall-ekonomija ċirkolari

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 9 Diċembru 2024
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari
female technician programs a robot arm with a digital tablet

 

Daħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti, li jirriflettu ż-żieda fil-karatteristiċi diġitali tal-prodotti u l-ekonomija ċirkolari li qed tikber.

Ir-reġim tal-UE dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti ġie stabbilit fl-1985 biex jikkumpensa lil dawk li sofrew dannu fiżiku jew ħsara lill-proprjetà minħabba prodott difettuż. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-iżviluppi teknoloġiċi, il-mudelli kummerċjali ġodda tal-ekonomija ċirkolari u l-ktajjen tal-provvista dejjem aktar globali għamluha essenzjali li r-regoli jiġu aġġornati.

Ir-regoli l-ġodda jkopru b’mod espliċitu prodotti bħas-software, is-sistemi tal-IA jew is-servizzi diġitali relatati mal-prodotti. Dawn il-bidliet huma ta’ benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-manifatturi. Il-konsumaturi se jsibuha aktar faċli biex jitolbu d-danni fil-qorti, filwaqt li l-manifatturi se jibbenefikaw minn regoli ċari għall-prodotti diġitali u l-mudelli tan-negozju tal-ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, il-fatt li jkun hemm regoli armonizzati dwar ir-responsabbiltà madwar l-UE se jgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet tan-negozju u biex in-negozji jingħataw iċ-ċertezza li jeħtieġu biex jinvestu fi prodotti innovattivi.

Dawn ir-regoli l-ġodda jqisu wkoll l-għadd dejjem jikber ta’ prodotti fis-suq tal-UE li huma manifatturati barra mill-UE, billi jiżguraw li dejjem ikun hemm operatur ekonomiku fl-Unjoni li vittma tista’ titlob kumpens mingħandu. Fl-aħħar nett, din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għal prodotti mibjugħin permezz ta’ pjattaformi online.

Is-sikurezza tal-prodotti fl-UE

Is-sikurezza tal-prodotti tibqa’ prijorità ewlenija tal-UE, biex tipproteġi lill-konsumaturi, trawwem l-innovazzjoni, u tiżgura suq uniku ġust u kompetittiv. Il-liġijiet dwar is-sikurezza tal-prodotti jiżguraw li l-oġġetti kollha mibjugħa fis-suq uniku tal-UE jissodisfaw standards stretti tas-sikurezza, tas-saħħa u tal-ambjent.

Id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti tapplika għall-prodotti mhux tal-ikel u għall-kanali kollha tal-bejgħ. Tistabbilixxi obbligi speċifiċi għan-negozji biex jiżguraw li l-prodotti kollha tal-konsumatur fl-UE jkunu sikuri. Ħafna prodotti jeħtieġu l-marka CE li tikkonferma li huma konformi mal-UE qabel ma jkunu jistgħu jinbiegħu. Jekk prodott jitqies li mhux sikur, jinħarġu twissijiet permezz tas-sistema ta’ twissija rapida Safety Gate, li tippermetti lill-pajjiżi tal-UE jikkondividu informazzjoni dwar prodotti perikolużi mhux tal-ikel, biex ikunu jistgħu jittieħdu azzjonijiet korrettivi rapidi.

Fir-rigward tal-prodotti tal-ikel, l-UE għandha wħud mill-ogħla standards ta’ sikurezza tal-ikel fid-dinja. Dawn huma rregolati mil-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, u sostnuti mill-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, li tiżgura li s-sistemi tal-ikel ikunu ġusti, tajbin għas-saħħa u favur l-ambjent.

Għal iktar informazzjoni

Ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi

Is-sikurezza tal-prodotti fl-UE

Il-marka CE

Safety Gate

Il-Jum Dinji tas-Sikurezza tal-Ikel 2024

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
9 Diċembru 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni