
F’sena li matulha d-dinja saret aktar volatili u frammentata, l-Unjoni Ewropea assumiet aktar responsabbiltà għas-sigurtà tagħha stess u żiedet l-isforzi biex tagħti spinta lid-difiża u l-preparatezza tagħha. Hija kompliet tagħti riżultati għaċ-ċittadini u n-negozji, billi ħolqot aktar opportunitajiet u kkonsolidat id-drittijiet individwali. Dawn huma biss uħud mis-sejbiet tar-Rapport Ġenerali dwar l-attivitajiet tal-UE fl-2025.
Id-difiża u s-sigurtà kienu fuq quddiem fl-aġenda. L-UE żiedet l-isforzi tagħha biex tipproteġi liċ-ċittadini u tiżgura li l-Ewropa jkollha l-mezzi biex iżżomm il-paċi permezz ta’ deterrenza kredibbli. Bil-pakkett Prontezza 2030, fetħet il-bibien għall-aktar żieda qawwija sinifikanti fl-investiment Ewropew fid-difiża fl-istorja tagħha. Fl-istess waqt, l-UE stabbiliet Strateġija ġdida għal Unjoni tal-Preparatezza.
Bħal fit-3 snin preċedenti, l-UE kompliet tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju, umanitarju u militari lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha. L-UE imponiet sanzjonijiet biex tillimita l-kapaċità tar-Russja li tiffinanzja l-gwerra tagħha u sa tmiem l-2025, flimkien mal-pajjiżi tal-UE, kienet ipprovditilhom €193.3 biljun mill-bidu tal-gwerra. Fl-istess ħin, tat imbuttatura lill-Ukrajna fit-triq lejn is-sħubija fl-UE.
Domestikament, l-UE ħadmet bla heda biex issaħħaħ il-bażi industrijali tagħha, biex tħaffef it-tranżizzjonijiet nodfa u diġitali u biex tapprofondixxi is-Suq Uniku.
Azzjonijiet ewlenin oħra fl-2025 kienu jinkludu:
Il-kompetittività
- Iggwidata mill-Boxxla għall-Kompetittività u mill-Patt għal Industrija Nadifa, l-UE ħadmet biex tneħħi d-diskrepanza fl-innovazzjoni, tnaqqas id-dipendenzi, u tallinja l-ambizzjoni klimatika u t-tkabbir ekonomiku.
- Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija għas-suq uniku biex ikun aktar faċli li jsir in-negozju fl-UE.
- L-UE introduċiet inizjattivi ġodda biex tnaqqas il-burokrazija, timmodernizza t-tassazzjoni u tappoġġa l-kompetizzjoni ġusta.
- Biex tgħin fl-ixprunar tal-kompetittività fit-tul, l-UE għamlet investimenti strateġiċi f’teknoloġiji nodfa, fl-innovazzjoni diġitali u fil-materja prima kritika.
L-agrikoltura
- L-UE ssoktat ħidmietha biex tiżgura li l-biedja tibqa’ parti ewlenija mill-istil tal-ħajja Ewropew, filwaqt li stinkat ukoll fuq it-tibdil fil-klima biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel u tal-ilma.
Ix-xjenza u l-innovazzjoni
- L-UE nediet il-kampanja Agħżel l-Ewropa biex l-Ewropa ssir l-aqwa post fid-dinja għax-xjenza u r-riċerka.
Ix-xena globali
- L-UE, flimkien mal-pajjiżi tal-UE, baqgħet fuq quddiem nett ta’ dawn l-isforzi ta’ għoti ta’ għajnuna f’każ ta’ diżastri naturali u kunflitti u kienet id-donatur ewlieni fid-dinja ta’ għajnuna umanitarja.
Fl-2025, l-UE ċċelebrat ukoll il-75 anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman. Ippreżentata mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż Robert Schuman fid-9 ta’ Mejju 1950, id-dikjarazzjoni pproponiet it-twaqqif tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, dik li llum saret l-Unjoni Ewropea.
Għal iktar informazzjoni
- Data tal-pubblikazzjoni
- 6 Marzu 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni